top of page

Dawl ikkulurit jiftaħ l-istaġun tal-festi fil-Belt Valletta



Il-Belt Valletta, il-Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2018, fetħet uffiċjalment l-istaġun tal-festi permezz ta’ serje ta’ dawl dekorattiv fit-toroq prinċipali tal-Belt li nxtegħel għall-ewwel darba t-Tnejn flgħaxija.

Din is-sena, Triq ir-Repubblika, Triq Merkanti, kif ukoll iż-żoni ta’ quddiem Is-Suq tal-Belt u l-Qorti, ingħataw dehra ġdida għal żmien il-festi grazzi għad-dwal ikkuluriti li ġew installati. Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li, “grazzi għall-investiment dirett li għamilna fir-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta, issa għandna belt ikkulurita u mimlija b’enerġija li tixraq lil pajjiżna u huwa xieraq ukoll li matul wieħed mill-aktar żminijiet sbieħ il-Belt Valletta tkompli tilbes aktar kuluri. L-impenn tagħna huwa li nkomplu nsaħħu u ntejbu s-settur kulturali u kreattiv sabiex dan verament jitgawda minn kulħadd.”

Din hija wkoll l-ewwel kollaborazzjoni mal-Merchants Street Business Community Association. Fil-fatt, din hija l-ewwel darba li ntrama dawl tal-Milied fi Strada Merkanti fuq l-istess skala ta’ dak fi Triq ir-Repubblika.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 20118, Deo Debattista qal, “Id-dawl huwa essenzjali biex naraw is-sbuħija ta’ madwarna. U l-Belt Valletta għandha ħafna x’toffri. Għalhekk żidna dan id-dawl ikkulurit biex inkomplu nsebbħu l-atmosfera tal-Belt Valletta f’dan iż-żmien tal-festi.”

Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li, “wara s-suċċess fid-disinn u l-innovazzjoni fid-dawl tal-Milied fi Triq ir-Repubblika s-sena l-oħra, din is-sena Triq Merkanti se tkun qed iżżanżan għall-ewwel darba sett ta’ dawl ġdid fuq l-istess għamla ta’ dak li rajna fi Triq ir-Repubblika s-sena l-oħra”. Is-Sur Micallef kompla jgħid li, “dan kollu sar possibbli permezz tal-kollaborazzjoni fit-tul li l-Fondazzjoni Valletta 2018 għamlet mal-Komunità Kummerċjali taż-żewġ toroq ewlenin”.

Valletta 2018 tirringrazzja lill-Merchants Street Business Community Association, Republic Street Business Community Association, u l-entitajiet kollha li għenu biex din l-inizjattiva tkun oħra ta’ suċċess fil-programm tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Comments


bottom of page