Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici inawgura wirja bit-titlu ta’ Core and Periphery: Mdina and Safi in the 9th and 10th centuries. Din il-wirja tħares lejn iż-żminijiet Medjevali f’Malta, u hija l-ewwel waħda f’sensiela li se tkompli titfa’ aktar dawl fuq din l-epoka interessanti.
“Għal numru ta’ snin, il-passat medjevali tal-Gżejjer Maltin bata minn lakuna ta’ informazzjoni. Dan kien primarjament minħabba n-nuqqas ta’ dokumentazzjoni disponibbli dwar din l-era. Permezz ta’ investigazzjonijiet arkeoloġiċi li jkopru dan iż-żmien, qegħdin nimlu dawn in-nuqqasijiet, b’hekk qegħdin nikkontribwixxu għal aktar għarfien,” stqarr il-Ministru Bonnici.
“Bis-saħħa ta’ dawn l-iskavi qegħdin ninvestu fit-tessut tal-wirt kulturali lokali. Dawn is-siti ta’ skavar ġodda qegħdin jipprovdulna aktar informazzjoni dwar partijiet mill-wirt kulturali tagħna li ma ġewx riċerkati, filwaqt li qegħdin joffrulna l-ewwel informazzjoni biex nifhmu aktar dawn is-sekli mudlama,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici.
B’kollaborazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u l-Università ta’ Malta, din il-wirja tippreżenta ftit mir-riżultati li nkisbu minn żewġ skavi arkeoloġiċi li saru fl-Imdina fl-2008 u f’Ħal Safi fl-2015. Dawn iż-żewġ skavi pprovdew informazzjoni arkeoloġika prezzjuża dwar iż-Żminijiet Mudlama– żmien ta’ bidla storika drammatika li ra t-tmiem tad-dominazzjoni Biżantina u l-wasla tal-Għarab f’pajjiżna.
Bis-saħħa ta’ aktar investigazzjonijiet, riċerka u analiżi, kien possibbli li jiġu esibiti għall-ewwel darba tipoloġiji taċ-ċeramika tas-sekli 9 u 10 – wieħed mill-aktar mumenti oskuri, iżda kruċjali għal bidla fl-istorja ta’ Malta.
Din il-wirja għandha l-għan li tintroduċi diskussjoni aktar wiesa’ dwar is-soċjetà u l-eknomija ta’ Malta f’dan iż-żmien, bl-aspetti urbani kkumparati mal-ħajja rurali li tagħmilha aktar interessanti. Fil-fatt, is-sejbiet li jirrappreżentaw il-ħajja medjevali fil-komunità urbana tal-Imdina jistgħu jiġu kkontrastati ma dawk ta’ Ħal Safi li kien lok agrikolu.
Din il-wirja, dedikata għal Malta Medjevali tinsab fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta u se tkun miftuħa għall-pubbliku sal-31 ta’ Jannar 2019. Id-dħul huwa bla ħlas.
Heritage Malta ħarġet ukoll pubblikazzjoni b’informazzjoni dettaljata dwar Malta Medjevali tas-sekli 9 u 10, u tinkludi l-istudji tal-iskavi fl-Imdina u Ħal Safi, u hija disponibbli għal bejgħ mis-siti u l-mużewijiet ta’ Heritage Malta.
Għal aktar informazzjoni żur is-sit www.heritagemalta.org
コメント