top of page

Madwar 250 impjegat fis-settur kulturali se jibbenefikaw minn proġett ta’ miljun ewro



Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia ħabbru proġett ta’ miljun ewro bit-titlu ta’ ‘Create 2020 – Investing in Culture and Creative Capacity Skills in Malta’s Public Sector’.

Il-Ministru Bonnici faħħar dan il-proġett, u enfasizza l-importanza tiegħu, speċjalment “minħabba li dan se jkompli jsaħħaħ is-settur kulturali lokali, billi jkompli jibni fuq dak li diġà sar u li qiegħed isir. Dan il-proġett għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rwol u l-kapaċità ta’ dawn id-dipartimenti tal-gvern permezz ta’ taħriġ, bl-għan li jkompli jtejjeb l-effiċjenza ta’ dawn l-entitajiet biex jipprovdu servizz pubbliku aħjar fil-qasam tas-settur kulturali u kreattiv.”

“Bis-saħħa ta’ proġett ta’ din is-sura, qegħdin nagħtu aktar kontribut lis-strateġija kultutrali ta’ pajjiżna, billi nenfasizzaw l-importanza u ż-żieda fil-professjonalizzazzjoni fi ħdan dan is-settur, settur li kiseb momentum qawwi bħala kontributur fit-tkabbir ekonomiku”, kompla jgħid il-Ministru Bonnici.

Dan il-proġett, li hu kofinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew, għandu bħala l-għan primarju tiegħu li jipprovdi taħriġ speċjalizzat lill-impjegati tas-settur pubbliku fil-Kunsill Malti għall-Arti, id-Direttorat tal-Kultura, l-Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi, u d-Dipartiment tal-Gvern Lokali. Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Socjali Aaron Farrugia qal li dan il-proġett huwa ffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew, liema fond qed jiġi uzat biex insaħħu l-ħiliet tal-workforce preżenti kif ukoll dik futura, għall-industriji tal-lum u għada. Hu għalhekk li l-fondi qed imorru għat-titjib fl-edukazzjoni akkademika, b’edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali b’fondi Ewropej immorru għal dan is-settur fl-aħħar gimgħat b’total ta’ €11 miljun.

Illum tħabbar dan il-proġett edukattiv fl-oqsma tal-kultura u l-kreattività. “Dawn huma fondi Ewropej li se jmorru biex nagħtu ħiliet u opportunitajiet ġodda lil dawk li jaħdmu f’din l-industrija u li jagħtu servizz backstage. Il fondi se jmorru wkoll għal mobility study grants, leadership, u sharing of best practices li minnu se jgawdi l-poplu Malti filwaqt li jisaħħaħ ukoll il-prodott turistiku ta’ Malta”, qal Farrugia.

Il-proġett huwa implimentat fi tliet attivitajiet prinċipali li huma t-Taħriġ fl-Iżvilupp ta’ Strateġija Kulturali għall-Kunsilli Lokali u Kumitati Reġjonali, Programm ta’ Ħiliet Spejċalizzati fis-Settur Kulturali Kreattiv għall-Impjegati tas-Settur Pubbliku, u Tmexxija Kulturali għal Managment Intermedju u Superjuri.

bottom of page