top of page

Imnedija l-konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija għar-Rijabilitazzjoni tal-Kottonera



Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg, is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius, u l-Kordinatur Eżekuttiv tal-Kumitat għar-Rijabilitazzjoni tal-Kottonera Glenn Bedingfield nedew il-konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija għar-Rijabilitazzjoni tal-Kottonera.

F’Marżu tal-2018 il-Gvern kien ħabbar li kellha tiġi ppreparata strateġija għall-Kottonera bl-għan li “ikunu mtejba l-istandards kemm ambjentali u wkoll soċjali fiż-żona tal-port ta’ ġewwa, bl-objettivi ta’ riġenerazzjoni li tindirizza s-sitwazzjoni kemm tal-lum kif ukoll li tħares fit-tul”. Din l-istrateġija qed tistabbilixxi qafas li jifforma parti mill-kuntest politiku usa’ maħluq minn diversi għanijiet nazzjonali u settorali bħal pjani u għanijiet soċjali, ambjentali, ekonomiċi, tat-trasport, tal-kultura, tal-patrimonju, u tat-turiżmu.

Il-Ministru għall-Gustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici qal, “Il-process ta’ riġenerazzjoni f’pajjiżna huwa proċess delikat iżda neċessarju biex pajjiżna jżomm mar-ritmu tal-progress kemm fl-Ewropa kif ukoll fir-reġjun tagħna. Il-proċess ta’ riġenerazzjoni fil-Kottonera ilu għaddej għal bosta snin b’enfasi fuq ir-restawr ta’ binijiet storiċi importanti kif ukoll il-kreazzjoni ta’ spazju miftuħ ta’ kwalità tul ix-xatt. Dan kien proċess importanti biex id-dehra tal-Kottonera tinbidel mil-lejl għan-nhar. Madanakollu, f’kull proċess ta’ riġenerazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-poplu hija ta’ importanza massima. Din l-istrateġija hija ffukata fuq in-nies u tagħraf li jekk verament nixtiequ l-Kottonera timxi ’l quddiem jeħtieġ li npoġġu lis-soċjetà taħt il-lenti bl-iskop li ntejjbu l-kwalità tal-ħajja permezz ta’ aspetti li jorbtu fuq ir-riġenerazzjoni li għandha enfasi kulturali.”

il-viżjoni ta-istrateġija hija mibnija fuq tliet pilastri: titjib tal-kapital soċjali, titjib tal-ambjent urban, żieda fl-attrattività tan-negozju/opportunitajiet ġodda ta’ negozju.

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg tkellem dwar il-progress u l-prosperità ekonomika li qiegħed jesperjenza l-pajjiż, u saħaq kif dawn iġibu magħhom influss ta’ nies, tkabbir ta’ diversi setturi u żvilupp. Il-Ministru qal, “Huwa essenzjali li fi żminijiet bħal dawn tingħata prijorità wkoll lill-konservazzjoni. Inizjattivi bħal Irrestawra Darek, id-Development Planning Fund, u l-iskedar ta’ diversi proprjetajiet madwar il-pajjiż igħinu biex jintlaħaq dan l-objettiv. Bis-saħħa ta’ l-Istrateġija għall-Kottonera, il-Gvern ser ikun qed jiffaċilita li din iż-żona li għandha rwol essenzjali fl-istorja ta’ Malta u fl-iżvilupp urban ta’ pajjiżna tiġi mħarsa b’mod sħiħ u wiesa’”. Borg semma d-diversi inizjattivi li bdew jagħtu nifs ġdid lil din iż-żona, fosthom ir-riġenerazzjoni ta’ Baċir Numru 1 li issa sar waterfront għal Bormla u li ttrasforma żona industrijali f’waħda turistika. Kien hawnhekk li l-Ministru Borg saħaq li dan mhuwiex biżżejjed u li hemm diversi aspirazzjonijiet oħra għas-snin li ġejjin. Huwa spjega li qegħdin jiġu kkunsidrati proġetti li mhux biss se jsebbħu ż-żona iżda li se jtejbu wkoll l-infrastruttura soċjali u jindirizzaw sfidi li ilhom magħna żmien twil.

Il-Ministru aċċena għal stħarriġ li sar bħala preparazzjoni għal din l-istrateġija, li wera li f’din iż-żona hemm nuqqas ta’ faċilitajiet għall-anżjani, nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ childcare u nuqqas ta’ parkeġġ, u qal li hemm numru ta’ proġetti maħsuba sabiex jiġu indirizzati dawn il-problemi, fosthom il-Kottonera District Park, ir-rikostruzzjoni tat-triq fit-Toqba tal-Birgu li jinkludi r-Regatta Club, ‘Sensory Garden’ u miżuri pedonali, titjib fil-waterfronts tal-Isla u l-Kalkara, użu aħjar tal-ispazju ta’ Pjazza Santa Margerita f’Bormla għall-komunità u ħolqien ta’ aktar infrastruttura soċjali.

Borg qal li b’dawn il-pjanijiet, il-Gvern mhuwiex qiegħed iħares biss lejn il-problemi preżenti, iżda qiegħed jaħdem biex jgħolli l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Huwa faħħar lill-Kunsilli Lokali tal-inħawi li jaħdmu qatigħ u li kkollaboraw b’mod sħiħ mal-Gvern għas-suċċess ta’ din l-istrateġija. Huwa għalaq billi tenna l-impenn tal-Gvern li jinvesti fil-Kottonera u billi ħares ’il quddiem għas-suġġerimenti u l-kummenti tal-pubbliku favur futur isbaħ u aħjar.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li bħala persuna li għex ħajtu l-Kottonera huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalih li permezz ta’ din l-istrateġija ser ikun possibli li din il-lokalità tinbidel minn żona li kienet tiddependi biss mit-Tarzna għal lokalità li tiġbed u tilqa’ lis-settur turistiku.

“Nemmen fil-potenzjal tal-Kottonera, mhux biss għax għext u trabbejt hawn, imma konxju li n-nies tal-lokal huma ħabrieka u jħarsu ’l quddiem biex jilħqu l-aspettattivi tal-komunità. Irridu lkoll kemm aħna niġbdu ħabel wieħed biex b’ħidma kollettiva naslu għar-riżultati pożittivi għall-benefiċċju tal-Kottonera”, tenna is-Segretarju Parlamentari Chris Agius.

Min-naħa tiegħu l-Kordinatur Eżekuttiv tal-Kumitat għar-Rijabilitazzjoni tal-Kottonera Glenn Bedingfield qal li, “il-Kottonera bħalissa għaddejjin ħafna bidliet u għalhekk llum għandna komunità fi tranżizzjoni. Din l-istrateġija li ppublikajna llum tgħin lill-komunità fit-tranżizzjoni tagħha biex insaħħu l-aspett soċjali, insebbħu l-ambjent u nattiraw investiment ġdid ħalli jogħla l-livell tal-għajxien fit-Tliet Ibliet u l-Kalkara. L-eħfef parti hija l-kitba tal-istrateġija. Issa rridu naraw li din l-istrateġija tkun implimentata. Aħna determinati li nimplimentaw din l-istrateġija.”

Preżenti wkoll kien hemm Johann Buttigieg, Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar li kkonkluda billi qal li “L-Awtorità tal-Ippjanar temmen li l-Kottonera għandha potenzjal li jindokra l-wirt kulturali u jagħti lok biex in-nies ikunu jistgħu jgawdu minnu. L-istrategija mnedija llum mhux tal-Gvern jew tal-Awtorità imma tal-kunsilli lokali u tan-nies. Hemm diversi fondi fi ħdan l-Awtorità għal proġetti fil-lokalitajiet. Aħna lesti li ngħinu l-kunsilli ta’ din iż-żona biex iwettqu d-diversi proġetti li huma proposti f’dan l-abbozz.”

bottom of page