top of page

Atti internazzjonali tal-aqwa livell għan-Notte Bianca 2018. L-avveniment ta’ din is-sena mistenni j



Atti leġġendarji se jingħaqdu ma’ artisti internazzjonali għan-Notte Bianca ta’ din is-sena, li se joffru għażla liema bħala għal dan l-avveniment tant mistenni. Huwa mistenni li l-edizzjoni tal-2018 għandha tkun l-aħjar Notte Bianca s’issa, minħabba li din is-sena l-programm jinkludi varjetà impressjonanti ta’ atti lokali u internazzjonali li se joffru għażla eklettika ta’ kunċerti.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici faħħar dan il-programm, u qal li “l-istrateġija tagħna hija li naħdmu sabiex inpoġġu fuq quddiem artisti lokali emerġenti kif ukoll stabbiliti bħala ħallieqa professjonali. Kull sena, Notte Bianca tfittex li toħloq rabtiet internazzjonali u dan huwa enfasizzat fil-programm ta’ din is-sena b’5 artisti barranin magħrufa mad-dinja, li qegħdin jipparteċipaw f’din l-edizzjoni. L-għan wara dawn il-kollaborazzjonijiet huwa li jiġu maħluqa spettakli multidimensjonali u multikulturali waqt li tingħata opportunità unika lill-artisti lokali biex joħolqu spettaklu fuq il-palk ma’ artisti ta’ fama internazzjonali u bi programm b’saħħtu.”

Il-ħames palkijiet prinċipali tal-mużika fil-fatt għandhom ħafna varjetà bi stili ta’ mużika differenti. Notte Special, fi Pjazza San Ġorġ, se jospita l-palk prinċipali tal-avveniment bl-udjenza mistiedna tgawdi l-mużika tal-band lokali nosnow/noalps, Toploader, Emma Muscat mal-mistieden speċjali Biondo, u Tenishia li se jkollu miegħu membri mil-leġġendi lokali Tribali.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis stqarr li l-ibliet Maltin, u b’mod partikolari kemm il-belt kapitali preżenti kif ukoll dawk tal-Birgu u l-Imdina għandhom karatteristiċi li huma differenti minn bliet oħra u jeħtieġ li ngħożżuhom u napprezzawhom. Huwa saħaq li l-Kunsilli Lokali llum huma parti integrali mill-amministrazzjoni pubblika u jimmaniġġjaw fondi pubbliċi biex jaqdu r-responsabbiltajiet tagħhom u għalhekk is-Segretarjat filwaqt li qiegħed jimbarka fuq riforma estensiva tal-kunsill lokali, se jassigura wkoll li l-kunsilli lokali jagħmlu użu tajjeb mill-fondi pubbliċi.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista qal li n-Notte Bianca hija avveniment li aktar ma jmur aktar qed tikber, imma wkoll tiġġedded u titjieb minn sena għall-oħra. Huwa qabbel dan mal-Belt Kapitali, l-Belt Valletta li wkoll qed tiġġedded u se tibqa’ tagħmel dan permezz tal-aġenzija li għandha titwaqqaf. Din ser tħalli legat kulturali marbut ma’ dak kollu li huwa Valletta 2018.

“Ninsabu tassew kburin li qed nippreżentaw programm tant b’saħħtu fuq il-palkijiet tagħna. L-udjenzi jistgħu jmorru minn att leġġendarju għal ieħor jew sempliċement jintefgħu quddiem wieħed mill-palkijiet ewlenin u jgawdu s-serata hemm. Dan kollu apparti l-fatt li jistgħu jmorru jżuru ftit il-proġetti l-oħra kollha preżenti tul it-toroq u l-postijiet tal-belt kapitali. Il-kultura tinsab fuq quddiem din is-sena, u flimkien mal-udjenzi tagħna, irridu niżguraw li dan huwa dak li jiftakru,” qal id-Direttur Artistiku tal-festival, Sean Buhagiar.

Id-dilettanti tal-mużika Rock u Metal jistgħu jżuru Notte Metalli li se jinkludi l-Maltin Beheaded. Fost l-oħrajn se jkun hemm ukoll Notte Reggae li bħala att prinċipali se jkun hemm il-band ewlenija mir-Renju Unit The Selecter u l-pilastri lokali The Riffs u l-ġodda Manatapu. Il-melodiji puri ta’ Notte Folk se jinkludu Skald, I am Willow, Claire Tonna, u Etnika. Dan kollu segwit minn kunċert mill-kantawtur magħruf Taljan Vinicio Capossela.

Dawk li jħobbu l-mużika elettronika jistgħu jżuru Notte Electronic, mal-Ġermaniżi Tangerine Dream u l-Maltin Stimulus Timbre, Cynga u Fabricka.

Notte Bianca se jkollha wkoll atti teatrali u ta’ żfin, akrobaziji fuq is-slackline, workshops, poeżija, flamenco, buffi, burlesque, xjenza, tafal, film u ħafna aktar.

Huwa ta’ unur għal Festivals Malta li dan l-avveniment laħaq livell daqstant għoli. Id-Direttur ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala qalet, “Mhemmx mod aħjar biex tesperjenza l-Belt Valletta! Il-belt kapitali unika tagħna li din is-sena hija wkoll il-Kapitali Ewropea tal-Kultura, għal darboħra se ssir palk għal programm straordinarju li jħaddan il-forom kollha tal-arti bl-istess mod u li jippreżenta lill-artist Malti bħala kreatur professjonali flimkien ma’ oħrajn barranin.”

Is-Sibt 6 ta’ Ottubru 2018 bla ebda dubju għandu joffri lejla sabiħa b’avvenimenti li se jsaħħru mhux biss it-toroq tal-belt għażiża tagħna iżda qlubna wkoll. L-udjenza hija mistiedna ssegwi l-avveniment fuq il-mezzi soċjali sabiex tifhem aħjar kif tista’ tesperjenza l-lejl.

Għal aktar informazzjoni dwar il-programm u l-postijiet, żur www.nottebianca.org.mt.

Notte Bianca hija organizzata minn Festivals Malta fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, MapfreMSV Life u Farsons.

bottom of page