• Team Owen Bonnici

Opinjoni | In-nar kaxxa magħluqa



Irrid nibda billi ngħid kelma ta' ringrazzjament minn qiegħ qalbi lill-pubbliku li niżel bi ħġaru Wied iż-Żurrieq sabiex jassisti għall-ħruq tal-ballun li oriġinarjament kellu jinħaraq fil-Pageant of the Seas taħt l-awspi ta' Valletta2018. Grazzi wkoll lill-voluntiera kollha tal-Kamra tan-Nar ta' Santa Katerina taż-Żurrieq talli kellhom din l-ambizzjoni li jkomplu jkabbru fuq ir-record li diġà kienu kisbu sentejn ilu. Lejn is-Sur Manwel Gauci u sħabu m'għandi xejn ħlief ammirazzjoni kbira tal-kuraġġ li wrew. Ammirazzjoni kbira wkoll lejn il-familji tagħhom li ċċaħħdu minnhom għal tant sigħat waqt li kienu qed jaħdmu dan ix-xogħol fuq bażi kompletament volontarja. Kif jgħidlek kull min jifhem fil-piroteknika n-nar kaxxa magħluqa. Sfortunatament il-ħruq tal-ballun ma kellux ikun. Biss konvint li l-udjenzi enormi li ġew attirati lejn Wied iż-Żurrieq mingħajr ma ħareġ imqar riklam wieħed jibgħat messaġġ tal-għatx kbir li għandu l-pubbliku Malti u Għawdxi lejn il-piroteknika u l-istima enormi li l-pirotekniċi bravi Maltin igawdu. Irrid nirringrazzja wkoll lill-awtoritajiet u l-esperti kollha li għenuna mil-lat organizzattiv biex dan l-attentat ta' ħruq tal-ballun seta' jseħħ. L-organizzazzjoni kienet waħda ta' livell kbir u nemmen li qatt ma kien hemm ħruq ta' piroteknika fl-istorja ta' pajjiżna li – ġustament – għadda minn tant skrutinju u għarbiel kemm ambjentali u kemm mil-lat ta' sigurtà.

Kull pass ta' dan l-avveniment ġie studjat darba, darbtejn, tlieta u s-sigurtà u l-ħarsien ambjentali ġew impoġġija l-ewwel post qabel kull ħaġa oħra. Huwa għalhekk, pereżempju, li l-barkun ittieħed tliet kilometri u nofs 'il barra kemm mix-xatt u kemm minn Filfla. Naturalment inkun qed nigdeb jekk ngħid li ma għandix sens ta' diżappunt li din l-ambizzjoni diffiċli ħafna u diffiċli ħafna meta tqis id-daqs ta' pajjiżna ma ġietx avverata. Biss jien grat lejn l-għaqda kollettiva eċċellenti li bdejna ma' kull min ħa sehem - mill–kbir saż-żgħir. Nemmen ukoll li l-attività serviet biex tesponi s-sbuħija ta' Wied iż-Żurrieq lejn ħafna u ħafna familji li bħali forsi qatt ma kienu ffrekwentaw daqshekk din iż-żona tant meraviljuża ta' pajjiżna. Is-sbuħija ta' dan il-post hi xi ħaġa inkredibbli u żgur li – ngħid għalija – se tkompli tiġbidni lejn din iż-żona tant pittoreska ta' din il-gżira li għandna. Nirringrazzja finalment il-mijiet ta' persuni li wrew solidarjetà ma' dan l-attentat tant ambizzjuż. L-għaqda bejn id-dilettanti u s-segwaċi tal-piroteknika hi sabiħa wisq. Prosit mill-qalb.

Bureau għall-Irkupru tal-Assi Iż-żmien tas-sajf hu żmien li bla ma trid tieqaf ftit u tgawdi mumenti sbieħ mal-għeżież tiegħek. Biss, fil-ħidma tagħna fit-tmexxija tal-Gvern ix-xogħol ma jiqafx u fil-verità d-deċiżjonijiet iridu jkomplu jittieħdu. Waħda mid-deċiżjonijiet li ħadna kienet li fl-20 ta' Awwissu li għadda – ftit jiem ilu – daħħalna fis-seħħ numru ta' poteri ġodda sabiex il-Bureau għall-Irkupru tal-Assi jkollu s-snien. Tajjeb li nispjegaw x'inhu dan il-Bureau, x'jagħmel u fejn wasalna. L-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu hu li ngħidu għaliex pajjiżna għandu jkollu Bureau għall-Irkupru tal-Assi. Nimmaġinaw għal mument li xi ħadd daħal f'Bank armat u wettaq serqa. Minn din is-serqa seraq miljun ewro. Dan qabad il-miljun ewro, ħbiehom f'post li ma jaf ħadd. Inqabad, weħel il-ħabs. Wara numru ta' snin, ħareġ mill-ħabs u mar lura fil-post fejn kien ħeba l-flus. Huwa vera li tkun saret ġustizzja għaliex il-ħalliel inqabad, tressaq il-Qorti u ntbagħat il-ħabs. Biss, nistgħu ngħidu f'dan il-każ li tkun saret ġustizzja vera jekk wara li ħareġ mill-ħabs dan il-ħalliel imur igawdi l-flus li jkun seraq?

Dan hu l-kunċett tal-Bureau għall-Irkupru tal-Assi. Is-serq m’għandux ikun sors ta’ dħul. Meta tagħmel il-kontijiet ma għandu qatt jaqbillek twettaq reat kriminali. Irridu nkissru l-attività kriminali billi naraw li l-istat jirkupra aħjar il-ġid li jiġi mill-attività kriminali. Bħalissa diġà jsir xogħol importanti sabiex l-assi ta' min iwettaq reat kriminali jiġu ffriżati u rrid nirringrazzja lil kull min mexxa 'l quddiem ir-riformi li saru s'issa u x-xogħol li laħaq sar. Biss, nemmen li rridu nkomplu ntejbu l-mod kif naħdmu s'issa u dan il-Bureau konvint li se jagħmel id-differenza. Hemm ukoll dimensjoni Ewropea f'dan kollu. Il-kummissjoni Ewropea tagħfas ħafna fuq il-Bureau għall-Irkupru tal-Assi anke għaliex hija trid tkisser ir-rabta li hemm bejn it-terroriżmu u t-traffikar tal-armi mal-kriminalità. Nemmen li b'dan li għamilna fl-aħħar xhur fejn ħloqna il-qafas legislattiv, organizzattiv u issa anke prattiku se jwassal biex nagħmlu pass importanti 'l quddiem fil-ħidma tagħna. Nirringrazzzja liċ-Chairperson tal-Bureau, l-Imħallef JD Camilleri u l-istaff kollu u nawguralhom għal ħidma improtanti favur sistema aħjar tal-ġustizzja. L-opra Lanqas laħqet għadda l-attentat ta' ħruq tal-ballun, li ma ħabbarniex il-proġett ieħor tant sabiħ ta' Valletta 2018 – Aħna Refuġjati. Din hija opra bil-Malti li hija unika fix-xorta tagħha u li se tkompli tarrikkixxi l-letteratura u l-artistrija Maltija. Jien kuntent immens li sħabi ta' Valletta 2018 għażlu li jiddiskutu – permezz tal-arti – tema li hija kontroversjali immens. Jiena nħeġġeġ lill-pubbliku kollu biex nhar il-Ġimgħa li ġej u nhar il-Ħadd imur fuq il-fosos u jattendi għal din l-opra unika li qatt qabel ma raw bħalha. Prosit minn qalbi lil kulħadd u grazzi.

#Nar #Opra

3 views
  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436