top of page

Il-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista jindirizzaw seminar għall-impjeg



Għal darba oħra d-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni laqqgħet lill-impjegati tagħha għal seminar annwali fejn dawn kellhom iċ-ċans jgħaddu suġġerimenti għal titjib fil-kundizzjonijiet ta’ ħidmiethom kif ukoll jitkellmu dwar it-triq ’il quddiem għad-Diviżjoni.

Il-Ministru Owen Bonnici rringrazzja lill-ħaddiema tax-xogħol siewi li qed jagħmlu u aċċenna li r-rata ta’ suċċess ta’ każijiet solvuti minn din id-diviżjoni tiżboq is-97% u li r-ritratti u rapporti dwar ix-xogħol li jsir huma turija ta’ dan is-suċċess.

“Ix-xogħol li tagħmlu intom hu bżonnjuż immens u b’hekk għandna dejjem inħarsu ’l quddiem biex insaħħu l-kwalità tal-prodott provdut. Qed nagħtu attenzjoni lil bosta lokalitajiet li sfortunatament fl-imgħoddi ma kienu jingħataw l-ebda konsiderazzjoni ta’ għajnuna. Apparti minn hekk, permezz tal-istrateġija kulturali ta’ dan il-gvern, dawn il-lokalitajiet qed ikollhom aktar avvenimenti kulturali li jkomplu jsaħħu t-tradizzjonijiet ta’ pajjiżna”, qal il-Ministru Bonnici.

Fl-aħħar sena d-Diviżjoni ħadmet ma’ diversi entitajiet dwar inizjattivi biex Malta tinżamm nadifa fosthom kampanja dwar tindif fl-iskejjel flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, reviżjoni tal-proċess ta’ ġbir ta’ skart fil-Belt Valletta bħala proġett pilota għal Malta kollha u ħidma fil-bajjiet Maltin biex titneħħa l-alka bi preparazzjoni għas-sajf.

Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista fakkar li sena ilu indirizza lil dawn il-ħaddiema b’viżjoni għal diviżjoni proaattiva li tieħu ħsieb mhux biss l-indafa pubblika iżda wkoll ż-żamma u l-manutenzjoni ta’ postijiet pubbliċi f’pajjiżna wkoll. “Fl-2017 il-gvern investa €400,000 f’tagħmir ġdid għad-Diviżjoni u din is-sena se jerġa’ jinvesti l-istess ammont biex id-Diviżjoni tkompli tissaħħaħ u ttejjeb is-servizzi biex ix-xogħol isir b’iktar effiċjenza”, ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari.

bottom of page