top of page

8 nutara jirċievu l-‘warrant’ waqt li għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna Kodiċi ta’ Etika tan



8 nutara rċevew il-warrant nhar il-Ħamis filgħodu. Il-Ministru Bonnici feraħ lil dawk preżenti u awguralhom għall-karriera tagħhom filwaqt li enfasizza l-importanza u r-responsabbiltà li ġġib magħha din il-professjoni. Il-Ministru ħeġġeġ biex in-nutara l-ġodda jiftakru li l-professjoni tagħhom hi kruċjali, għalhekk jeħtieġ li jkunu xhieda ta’ etika u ta’ serjetà. Fakkar li permezz ta’ din il-professjoni r-rota ekonomika f’pajjiżna tkompli ddur u tissaħħaħ.

Il-Ministru Bonnici ħabbar id-dħul fis-seħħ ta’ avviż legali dwar il-Kodiċi ta’ Etika tan-Nutara għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna. “Dan se jkun qed jimplimenta sett ta’ regolamenti bil-għan ewlieni li tiġi mħarsa u assigurata aħjar l-imġiba u l-kondotta tan-nutara waqt il-qadi ta' dmirijiethom u se jidħol fis-seħħ għada”.

Permezz ta’ dan l-avviż legali, il-Gvern se jonora u jilqa’ l-proposta tal-Kunsill Nutarili li jiġi implimentat Kodiċi ta’ Etika tan-Nutara, liema kodiċi ġie magħmul u affermat mill-membri tal-istess kunsill.

“L-implimentazzjoni tal-imsemmija regolamenti dwar il-Kodiċi ta’ Etika tan-Nutara hu msejjes fuq il-ħsieb ewlieni li jservi ta’ linja gwida għall-professjoni nutarili. Għaldaqstant, il-Kodiċi ta’ Etika għandu jipprovdi regoli aktar ċari u stretti biex jiġu mħarsa l-integrità, l-imparzjalità, l-indipendenza u ċ-ċertezza legali li huma karatteristiċi ewlenin tal-professjoni nutarili”, żied jgħid il-Ministru Bonnici.

Dan il-kodiċi jadotta approċċ ħolistiku u hu mifrux fuq ħames titoli principali li jelaboraw fuq il-Kondotta u Diliġenza; l-Indipendenza u l-Imparzjalità; ir-Relazzjonijiet Professjonali; il-Kompetizzjoni Illegali u s-Segretezza u l-Kunfidenzjalità Professjonali.

Il-Ministru Bonnici żied jirrimarka li, “hu importanti ferm li l-liġijiet li jirregolaw il-professjoni tan-nutara jaġġornaw ruħhom maż-żminijiet u mal-esiġenzi kontemporanji biex b’hekk ikun assigurat servizz ta’ kwalità għolja lil bosta individwi u lill-familji Maltin u Għawdxin li jirrikorru għand nutara f’ċirkostanzi distinti tal-ħajja”.

Id-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi ta’ Etika tan-Nutara jifforma parti essenzjali mid-diversi riformi li dan il-gvern qed jimplimenta fis-setturi legali u ġudizzjarji. Ċertament dan kollu mhux biss jikkontribwixxi lill-kariga tan-nutar iżda konsegwentament liċ-ċittadin ukoll li jirrikorri għas-servizzi msemmija.



bottom of page