top of page

Xahar ta’ azzjoni



Matul ix-xahar ta’ April il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali kompla jiffoka fuq ħidmietu biex ikomplu jissaħħu s-setturi tal-ġustizzja u l-kultura f’pajjiżna. B’mod fattibbli, urejna li bħala Gvern għandna għal qalbna l-libertà tal-espressjoni, u għaldaqstant wara sensiela twila ta’ konsultazzjoni mal-partijiet kollha involuti, daħħalna liġi ġdida storika li ssaħħaħ il-libertà tal-espressjoni ġurnalistika f’pajjiżna. Mil-lat tal-kultura matul ix-xahar ta’ April komplejna nibnu fuq is-suċċessi li ġabet magħha l-Belt Valletta bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018 permezz tal-Festa l-Kbira, fejn irrenjat l-għaqda u s-sbuħija tat-tradizzjonijiet kulturali tagħna.

Lejn il-bidu tax-xahar, daħal fis-seħħ Att, approvat b’mod unanimu mill-Kamra tad-Deputati, li jemenda l-Kodiċi Ċivili u li bih, persuni li jkunu qegħdin imexxu n-negozju tagħhom minn post mikri mingħand persuna li kienet hi stess inkwilin u li t-titolu tagħhom jispiċċa b’liġi fil-31 ta’ Mejju 2018 qegħdin jingħataw id-dritt li jitolbu lill-Bord li Jirregola l-Kera li jitħallew jibqgħu jmexxu n-negozju tagħhom mill-istess post għal massimu ta’ għaxar snin.

Din l-inizjattiva leġiżlattiva ttieħdet biex tipproteġi n-negozji li huma s-sors tal-qligħ tal-għixien għas-sidien u għall-impjegati tagħhom. Dan l-Att jieħu kont xieraq ukoll tad-drittijiet tal-proprjetarji u tal-persuni li għandhom titoli oħra ta’ pussess tal-proprjetajiet in kwistjoni.

Din is-sena waqt il-festa ta’ San Girgor nedejna l-festival Għanafest – ċelebrazzjoni tal-mużika folkolristika ta’ pajjiżna. Dan il-festival wasal fl-20 edizzjoni tiegħu, turija ċara kemm għandna għal qalbna l-kultura tagħna. Apparti minn hekk, Għanafest se jkollu wkoll attivitajiet konnessi miegħu f’Birżebbuġa, il-Qrendi u l-Buskett, sabiex nippromwovu kultura aċċessibbli għal kulħadd. Dawn il-festivals qegħdin jattiraw parteċipazzjoni dejjem akbar u joħolqu apprezzament ġdid għat-tradizzjonijiet mużikali u kulturali Maltin.

Kif semmejt qabel, pass importanti fis-settur ġudizzjarju kien li l-liġi dwar il-Media u l-Malafama, li daħlet fis-seħħ proprju l-ġimgħa l-oħra. Din il-liġi hija waħda storika speċjalment minħabba li tipprovdi aktar libertà lill-ġurnalisti ta’ pajjiżna u lill-prattikanti tal-media u tiggarrantixxi l-ħarsien fil-libertà tal-espressjoni. Din il-liġi tibni fuq riformi kruċjali li saru fl-aħħar leġiżlatura fejn il-libertà tal-espressjoni artistika ġiet imsaħħa b’mod konsiderevoli. Dak iż-żmien l-Oppożizzjoni kienet rat din il-liġi kontra ċ-ċensura bħala eżerċizzju ta’ ksuħaġni – ftit ta’ snin wara ngħatajna r-raġun.

Din il-liġi l-ġdida hija t-tieni pass f’viżjoni fuq żewġ binarji biex inżidu l-libertà tal-espressjoni u permezz ta’ dawn ir-riformi Malta verament fetħet il-bibien tagħha għal-libertà tal-espressjoni, b’hekk qegħdin insaħħu aktar id-demokrazija tagħna. Matul dawn l-aħħar sentejn il-Gvern kien qiegħed jikkonsulta b’mod kostanti mal-istakeholders (li jnkludu l-OSCE) u kull stadju ta’ diskussjoni tat kontribut għall-avvanz ta’ din il-liġi. Matul iż-żmien ta’ konsultazzjoni, kull kontribut ġie kkunsidrat u analizzat bir-reqqa, filfatt il-Gvern talab parir dwar il-proposta anti-SLAPP li ressqet l-Oppożizzjoni. Erba’ pariri legali minn esperti ewlenin fil-qasam ġew ippubblikati mill-Gvern u kollha wasslu għall-konklużjoni li l-proposta tal-Oppożizzjoni hija parzjalment mhux sostenibbli legalment u mill-bqija, ma żżid xejn aktar mil-lat ta’ protezzjoni li l-liġijiet tagħna diġà jagħtu lill-ġurnalisti kontra kawżi relatati ma’ SLAPP f’ġurisdizzjoni mhux Ewropea.

Aħna qegħdin naħdmu kontinwament biex insaħħu d-demokrazija f’pajjiżna u l-Gvern dejjem huwa lest li jipparteċipa f’diskussjonijiet għal ġid tas-soċjetà.

Is-seħħ ta’ din il-liġi jista’ faċilment iservi bħala punt ta’ referenza li l-liġi għandha tinkiteb permezz ta’ konsultazzjoni wiesgħa u fir-rigward tad-drittijiet fundamentali li pajjiż modern u deomkratiku għandu dejjem iħares.

Dan ix-xahar se naraw il-ħatra ta’ Prim Imħallef ġdid, fejn il-Gvern ta’ parir lill-President ta’ Malta biex dan ikun l-Imħallef Joseph Azzopardi. Il-ħatra tal-Prim Imħallef l-ġdid se ssir fis-26 ta’ April. Fl-għażla tal-Prim Imħallef, il-Gvern żamm l-Oppożizzjoni kontinwament aġġornata.

F’April tkellimt waqt il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li ttellgħet id-Danimarka. Din il-Konvenzjoni hija karatteristika fundamentali għal-liġi u l-politika relatata mal-kultura u l-wirt, b’hekk huwa essenzjali li l-Gvernijiet Ewropej jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom lejhom. Il-Konvenzjoni hija intrapriża unika u ambizzjuża li tagħti kontribut sostanzjali għar-rule of law, l-istabbiltà politika u l-paċi fl-Ewropa għal żmien konsiderevoli u huwa fundamentali li dan jibqa’ jsir.

Bħala Gvern irridu nkunu impenjati lejn il-Konvenzjoni u għahlekk, it-tisħiħ tal-effiċjenza tal-qrati nazzjonali tagħna biex nimplementaw il-Konvenzjoni hija essenzjali għall-effettività tal-Konvenzjoni nnifisha.

Dan ix-xahar ukoll kellna ċ-ċelebrazzjoni fantastika u tant mistennija tal-Festa l-Kbira, fejn l-erba’ festi ewlenin tal-Belt Valletta ngħaqdu biex tiġi ċċelebrata festa ta’ għaqda u t-tradizzjonijiet Maltin. Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura ttina ċ-ċans li niċċelebraw il-kultura fid-diversi forom tagħha, minn żfin u arti kontemporanja għal tradizzjonijiet Maltin bħall-festi, li kollha jagħmlu parti mill-identità tagħna bħala poplu Malti.

VIVA , il-festival dedikat għall-arti kontemporanja fi ħdan Fondazzjoni Kreattività, wasal fir-4 edizzjoni tiegħu u bħalissa għandu esebizzjonijiet fi Spazju Kreattiv, Palazzo Messina u l-Iskola tal-Arti fost l-oħrajn. Dan il-festival kulma jmur qiegħed jikber u qiegħed jikkontribwixxi biex l-arti viżiva tkun aktar aċċessibbli u eqreb tal-komunità.

Ġew iffirmati żewġ ftehimiet bejn St Vincent de Paule Residence u Toi Toi, il-programm edukattiv fi ħdan it-Teatru Manoel, sabiex jipprovdu esperjenza artistika estensiva lir-residenti. Send a Song huwa proġett li jinvolvi l-mużika, kif ukoll ir-reċtar b’mod li jinvolvi aktar ir-residenti permezz ta’ attivitajiet li jevokaw memorji permezz ta’ tekniki ta’ tifkir, li jinkoraġġixxu kant u moviment, filwaqt li jqanqal l-immaġinazzjoni ta’ dak li jkun.

It-tieni proġett huwa kunċert bl-isem ta’ Down Memory Lane, kunċert riservat għar-residenti li se jittella’ lejn l-aħħar ta’ Lulju fit-Teatru Manoel, b’repertorju apposta li żgur se jġeddilhom memorji.

Kelli l-opportunità li niltaqa’ ma’ delegazzjoni għolja mill-Parlament ta’ Shanghai fejn ġew diskussi r-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina, fosthom il-kultura. Dawn ir-relazzjonijiet ilhom għaddejin snin twal u waqt din il-laqgħa ġie affermat li dawn ir-relazzjonijiet se jkomplu jkattru. Filfatt, iċ-Ċentru Kulturali Ċiniż f’Malta, huwa l-ewwel ċentru tax-xorta tiegħu li nfetaħ barra miċ-Ċina. Il-Viċi Chairperson, Fang Huiping faħħret il-wirt kulturali u storiku Malti u qalet li ħadet ġost li matul iż-żjara tagħha innotat kif dawn l-oqsma qed jingħataw il-ħajja mill-ġdid bir-restawr li qed isir.

Wara snin twal, tlesta r-restawr tal-ġenb tan-naħa t’isfel tal-Knisja taż-Żejtun – total ta’ 890 metru kwadru. Saru xogħlijiet estensivi sabiex din il-faċċata tiġi ppreservata u kkonservata. Dan l-aħħar rajna ħafna proġetti ambizzjużi fejn jidħol ir-restawr, speċjalment fuq il-palazzi u s-swar li jinsabu fil-Belt Kapitali. Madankollu, il-lokalitajiet tagħna għandhom bosta ġojjelli storiċi u ta’ wirt kulturali imprezzabbli li għandna l-obbligu li nieħdu ħsiebhom u li issa qegħdin jingħataw l-importanza li jistħoqqilhom.

L-impenn tagħna huwa li dejjem inżommu lill-poplu Malti u Għawdxi fiċ-ċentru ta’ dak li qegħdin nagħmlu sabiex nipprovdu ħajja ta’ kwalità. Permezz tal-ħidma kontinwa li qegħdin inwettqu, qegħdin insaħħu s-soċjetà tagħna sabiex inkomplu nimxu lejn pajjiż aktar modern u demokratiku li huma s-sisien biex Malta ta’ għada tkun l-għira ta-dinja.

コメント


bottom of page