top of page

Insaħħu t-talent lokali – it-tnedija tal-Beland Music Festival



“Il-Beland Music Festival issa qed fis-7 sena tiegħu u hu wkoll wieħed mill-festivals li qed jibbenefika mill-Cultural Partnership Agreement fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti. Dan il-gvern hu impenjat li jappoġġja l-arti u l-kultura fil-forom varji tagħhom u dan il-ftehim qed jgħin għas-sostenibbiltà, kontinwazzjoni u professjonalizzazzjoni ta’ dan il-festival. Dan il-festival hu opportunità eċċellenti biex artisti u bands lokali jippromwovu u juru t-talent tagħhom”, qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt it-tnedija tal-festival.

Permezz ta’ dan il-ftehim, il-festival sar pjattaforma biex nuru t-talent lokali u permezz tiegħu ngħinu għat-tisħiħ u għat-tkabbir tat-talent lokali li qed jagħtu kontribut biex ikun hemm żieda fil-professjonalizzazzjoni u fl-ekonomija tas-settur kulturali, żied il-Ministru Bonnici.

Il-post fejn jittella’ dan il-festival jgħin biex iqarreb il-mużika viċin tal-komunità b’mod li hu aktar aċċessibbli għall-pubbliku biex jattendi.

Il-Ministru Bonnici faħħar ix-xogħol li sar biex jiġi organizzat dan l-avveniment. Din l-attività hi possibbli permezz tal-ħidma ta’ aktar minn 100 voluntier li jiddedikaw ħinhom biex joħolqu dan il-festival.

Il-festival jittella’ fuq tlett ijiem u għandu 6 bands - Sterjotipi, Fusebox, Lucy’s Last, Kill The Action, Kersten Graham and The Areola Treat – li qed jikkompetu fil-Beland Music Contest bis-support tal-Kunsill Malti għall-Arti u ta’ PRS for Music.

Wara l-bands se jkun hemm spettaklu live minn artisti bħal: Kevin Paul Calleja, Relikc - ir-rebbieħa tal-Beland Music Contest 2017, The Travellers, id-DJs Ruby u Ziggy kif ukoll Kapitlu13 bis-support ta’ Marmalja.

Il-Beland Music Festival se jittella’ fil-Pjazza tas-Suq fiż-Żejtun mill-4 sas-6 ta’ Mejju mit-20:00 ’il quddiem. Għal aktar informazzjoni żur http://www.belandevents.com

bottom of page