top of page

Suċċess kbir fl-ewwel serata tal-Festa l-Kbira fil-Belt Valletta



Iċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mal-Festa l-Kbira bdew permezz ta’ kunċert li sar fi Pjazza San Ġorġ mis-Soċjetà Filarmonika King’s Own u s-Soċjetà Filarmonika La Valette il-Belt Valletta, u li matulu wasslu messaġġ qasir il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici, is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef, u d-Direttur Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Catherine Tabone.

Il-Ministru Bonnici qal li, “din hija festa unika ferm għax tiċċelebra l-kultura Maltija u t-tradizzjonijiet Maltin. Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura ttina ċ-ċans li niċċelebraw il-kultura fid-diversi forom tagħha, minn żfin u arti kontemporanja għal tradizzjonijiet Maltin bħall-festi, li kollha jagħmlu parti mill-identità tagħna bħala poplu Malti”.

“Huwa obbligu u dmir tagħna li naħdmu bla waqfien biex nippreservaw il-passat kif ukoll insaħħu l-futur ta’ dan is-settur uniku. Il-kultura hija għal qalb ħafna minna, u għalhekk aħna mpenjati biex il-kultura tkun aċċessibbli għal dak li jkun. L-istrateġija tal-Gvern fejn jidħol dan il-qasam hija li jkun hemm kultura inklussiva f’din in-niċċa ekonomika emerġenti li kull ma jmur dejjem qed tissaħħaħ u tavvanza”, enfasizza l-Ministru Bonnici.

Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li l-Festa l-Kbira hija avveniment għal qalb ħafna għaliex hija okkażjoni fejn il-festa Maltija se tingħata valur Ewropew. “Iżda fuq kollox, hija okkażżjoni eċċellenti fejn il-każini, il-komunità Beltija, residenti, dilettanti tal-festi, u kull min jagħti sehemu kull sena f’waħda mill-erba’ festi, ingħata spazju fil-programm kulturali ta’ Valletta 2018, fejn l-għaqda hija l-forza”, kompla jgħid is-Segretarju Parlamentari.

“Dan, bħala Maltin, għandna ngħożżuh, għaliex il-kultura mhi xejn mingħajr il-komunità li tgħixha”, temm jgħid Debattista.

Jason Micallef qal li, “ il-Fondazzjoni Valletta 2018 dejjem emmnet li l-kultura hi ta’ kulħadd. Il-missjoni tagħna sa mill-bidu kienet li kulħadd jingħata l-opportunità li jieħu sehem fil-programm kulturali tagħha, mhux biss bħala parteċipant passiv, iżda anke bħala wieħed attiv. Irridu nżidu l-udjenzi imma wkoll il-parteċipazzjoni. Din il-Festa, maħluqa mill-poplu u għall-poplu, hija eżempju ċar tal-impenn tagħna biex il-kultura tkun verament ta’ kulħadd.”

“Din l-inizjattiva hija parti essenzjali mill-impenn tal-Fondazzjoni Valletta 2018 li tippromwovi u tħares il-wirt kulturali intangibbli ta’ pajjizna”, stqarret Catherine Tabone.

bottom of page