top of page

Il-Gvern bi strateġija biex Malta titpoġġa fuq il-mappa tal-UNESCO fejn jidħol il-wirt intanġibbli



Matul dawn l-aħħar ġimgħat il-Gvern Malti, permezz tad-Direttorat tal-Kultura, beda b’mod fattwali l-proċess biex aspetti tal-wirt intanġibbli nazzjonali jitpoġġew fuq il-mappa tal-wirt intanġibbli tal-UNESCO.

Permezz ta’ dan il-proċess elementi intanġibbli fil-kultura Maltija se jkunu jistgħu jiġu ppreżentati lill-UNESCO - l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura - sabiex jagħmlu parti mil-lista tal-wirt intanġibbli dinji.

Din il-lista tinkludi wirt dinji bħal: elementi gastronomiċi, mużika, żfin u snajja’ fost l-oħrajn. Fl-aħħar jiem kien hawn preżenti f’Malta Marina Calvo Perez min-naħa tal-UNESCO - esperta fil-wirt intanġibbli biex tgħarref lid-Direttorat tal-Kultura dwar il-proċess ta’ applikazzjoni, proċess li se jitkompla permezz tal-ħolqien ta’ inventarju nazzjonali ta’ wirt intanġibbli li minnu mbagħad jintgħażlu dawk l-aktar eliġibbli biex jiġu ppreżentati lill-UNESCO għall-konsiderazzjoni tagħhom. Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici spjega li f’din is-sena tant importanti għas-settur kulturali Malti, il-Ministeru se jaħdem biex il-wirt intanġibbli tagħna jingħata l-importanza li jixraqlu. Il-Ministru qal li l-wirt intanġibbli jagħtina l-identità li tagħmilna nazzjon u għaldaqstant bħala gvern għandna nagħmlu l-għalmu tagħna biex filwaqt li nżommuh ħaj, nippreservawh għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Dan kollu jista’ jseħħ għax f’Marzu 2017 il-Parlament Malti rratifika b’mod unanimu l-konvenzjoni tal-UNESCO tal-2003 dwar il-ħarsien tal-wirt kulturali intanġibbli.

bottom of page