top of page

Erba’ mapep uniċi ta’ żmien l-Assedju l-Kbir rikonoxxuti bħala Memorja tad-Dinja kollha mill-UNESCO



Erba’ mapep li jagħmlu parti min-narattiva unika tal-Assedju l-Kbir tal-1565 ingħataw rikonoxximent dinji mill-UNESCO hekk kif saru parti mir-Reġistru tal-Memorja tad-Dinja tal-UNESCO.

Tlieta minn dawn il-mapep jagħmlu parti mill-kollezzjoni kartografika tal-MUŻA, u r-raba’ waħda tappartjeni għall-Fakultà tax-Xjenza f’Charles University fi Praga. Dan tħabbar f’konferenza stampa mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u Heritage Malta.

Il- Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici faħħar din il-kisba unika u storika bħala wahda bla preċedent.

“Li għandna dawn il-mapep tal-Assedju l-Kbir jingħataw rikonoxximent dinji mill-UNESCO hija xi ħaġa meraviljuża għal pajjizna. Malta huwa pajjiż bi storja kbira u rikka u dan ir-rikonoxximent ikabbar is-sens ta’ kburija tal-poplu tagħna f’dak li aħna,” qal il-Ministru Bonnici.

Din hija l-ewwel darba fl-istorja li Malta qiegħda f’din il-lista tant prestiġjuża u hija żieda ġdida u pożittiva mas-siti tal-patriomnju dinji tal-UNESCO li huma f’idejn Heritage Malta.

Il-UNESCO għarfu b’mod favorevoli li din il-kollezzjoni ta’ mapep, li hija proprjetà konġunta ta’ żewġ istituzzjonijiet Ewropej, kollettivament timla waħda mill-ħafna lakuni fil-kronaka viżiva tal-Assedju l-Kbir tal-1565 ta’ Malta. Jekk waħda minn dawn il-mapep tintilef jew issirilha ħsara, l-integrità ta’ din is-serje tkun kompromessa b’mod li ma tissewwiex.

Il-UNESCO stqarrew ukoll li l-inklużjoni ta’ din id-dokumentazzjoni tal-patrimonju fir-Reġistru Dinji tal-Memorja jirrifletti l-valur eċċezzjonali tagħha u toffri opportunità eċċellenti biex tingħata attenzjoni lill-importanza tal-memorja u l-ħarsien kollettiv tagħha.

Iċ-Chairman ta’ Heritage Malta Dr Buttigieg qal li, “Illum Malta qiegħda tiċċelebra tragward importanti milħuq mill-aġenzija nazzjonali. Lokalment din hija l-ewwel darba li dokumenti storiċi qegħdin jingħataw dan ir-rikonixximent prestiġjuż li bis-saħħa tiegħu l-istorja ta’ pajjiżna u l-avvenimenti storiċi qegħdin jingħataw perspettiva internazzjonali. Dan is-suċċess se jkun qed joffri opportunitajiet ġodda għall-kollezzjoni nazzjonali taħt il-ħarsien ta’ Heritage Malta, u jinstiga għalhekk riċerka ġdida, kif ukoll forsi skoperti ġodda.”

Dawn il-mapep tal-Assedju l-Kbir huma x-xogħol tal-pubblikatur Taljan Giovanni Francesco Camocio, pubblikatur u negozjant ta’ mapep, prints (stampi) u kotba. Huma kienu jitqassmu fuq medda kbira u kienu l-aktar mod effettiv biex jiġu rrapurtati l-iżviluppi fl-Assedju. Dawn il-mapep jiddokumentaw l-avvenimenti li saru bejn Awwissu u Settembru tal-1565, fejn hemm illustrat l-attakk fuq l-Isla u l-irtirar tal-forzi Ottomani. Naturalment, dan il-wirt storiku se jkun esebizzjoni ewleninija u permanent fil-MUŻA.

L-iskoperta fl-2013 ta’ Stat 2 tal-mappa tal-Assedju l-Kbir ta’ Malta ta’ Giovanni Francesco Camocio fil-Kollezzjoni ta’ Mapep f’ Charles University fi Praga, tat l-opportunità unika biex tiġi marbuta mal-Istati 1,3, u 4 ta’ din il-kollezzjoni kartografika. Din l-għaqda sinifikanti b’hekk tissiġilla b’mod permanenti is-serje tal-erba’ stati tal-mapep tal-Assedju l-Kbir u kienet ukoll is-suġġett ta’ esebizzjoni li saret ftit tax-xhur ilu fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija.


bottom of page