top of page

Festivals Malta – Insaħħu l-esperjenza kulturali f’livelli bla preċedent



Il-Kunsill Malti għall-Arti nieda Festivals Malta. Festivals Malta hi Organizzazzjoni Kulturali Pubblika li xogħolha mhux biss li torganizza attivitajiet kulturali, imma anki li tagħmel il-festivals u l-arti performattiva bħala parti integrali mill-ħajja Maltija.

Flimkien mat-team ta’ 20 professjonist dedikat u ta’ talent kif ukoll tmien diretturi artistiċi, Festivals Malta għandha f’idha aktar minn 160 attività li jikkonstitwixxu fi tmien festivals u ħames avvenimenti nazzjonali.

It-tmien festivals huma: ‘l-Karnival ta’ Malta’, ‘il-Festival tal-Mużika Dinjija’, ‘Għanafest’, ‘il-Festival Internazzjonali għall-Arti’, ‘il-Festival tal-Jazz Malti’, ‘Notte Bianca’, ‘il-Festival tat-Tliet Palazzi’ u ‘Rock Events’. Il-ħames avvenimenti nazzjonali huma Jum il-Ħelsien iċċelebrat fil-31 ta’ Marzu, is-Sette Giugno fis-7 ta’ Ġunju, Jum il-Vitorja fit-8 ta’ Settembru, Jum l-Indipendenza fil-21 ta’ Settembru u Jum ir-Repubblika fit-13 ta’ Diċembru. Festivals Malta hi responsabbli wkoll miċ-ċelebrazzjoni tal-festi ta’ San Girgor, Dun Karm u avvenimenti kulturali oħra fosthom il-Kunċert tal-Epifanija u l-Kompetizzjoni tal-Presepji tal-Milied.

Minbarra kalendarju rikk bl-attivitajiet, Festivals Malta hi kburija li qed taħdem fuq proġett megħjun minn fondi Ewropej: l-Esperjenza tal-Karnival Malti, li matul is-sena kollha se joffri vetrina tal-elementi kollha marbuta ma’ dan l-avveniment popolari li jgawdi minn tradizzjoni dewwiema. Id-dilettanti tal-karnival se jkollhom post state-of-the-art, li se jagħtihom l-opportunità biex mhux biss jaħdmu f’ambjent eċitanti u vibranti imma li jesponi xogħolhom ukoll. B’dan il-mod il-viżitaturi jkollhom l-opportunità li japprezzaw il-proċessi kreattivi, jitgħallmu dwar l-istorja rikka tal-karnival kif ukoll jaraw parati sħaħ mill-bidu sal-aħħar.

Waqt it-tniedija ta’ Festivals Malta, il-Ministru Bonnici stqarr li “Bħala l-ministru responsabbli għall-kultura, jien nara dan il-mument bħala wieħed uniku u storiku għal qabża ta’ kwalità f’l-iżvilupp artistiku u kulturali, għall-ħolqien ta’ forom ġodda ta’ espressjoni artistika, u għall-ftuħ ta’ orizzonti ġodda għall-inseminazzjoni kulturali minn fruntieri nazzjonali u lil hinn minnhom.”

Dwar il-funzjoni ta’ Festivals Malta, id-Direttur tal-Festivals Annabelle Stivala qalet li “Bit-twaqqif ta’ Festivals Malta se tinħoloq identità b’saħħitha għall-festivals u l-avvenimenti, li mhux biss se żżid il-parteċipazzjoni u l-għarfien lokalment imma se tfittex ukoll li tgħolli l-profil kulturali ta’ Malta fuq livell internazzjonali bħala pajjiż li għandu ħafna x’joffri kulturalment.”

Ta’ min wieħed isemmi li Festivals Malta hi organizzazzjoni separata mill-Kunsill Malti għall-Arti. Din is-separazzjoni saret biex il-korp regolatorju jinżamm separat mill-fergħa operattiva tal-entità ewlenija. B’hekk jiġu evitati kunflitti ta’ interess kif ukoll ikun assigurat li l-viżjoni u l-missjoni tal-Politka Kulturali Nazzjonali u l-mandat tal-Kunsill Malti għall-Arti jitwettqu b’mod iktar effiċjenti, hekk kif kien iddikjarat fil-manifest Create 2020. “

Jekk nitilqu mill-fatt u l-aċċettazzjoni universali li Malta u Għawdex huma żewġ gżejjer li għandhom għal qalbhom il-gost, u huma impenjati li jivvintaw u jerġgħu jivvintaw opportunitajiet biex joħolqu l-briju u jingaġġaw f’ċelebrazzjonijiet komunali, fl-aħħar għamilna l-qabża biex nifformalizzaw pjattaforma apposta li xogħolha hu li tipprovdi programmi ta’ festivals u materjal għall-avvenimenti li huma iktar inklussivi, diversi, ekklettiċi u ta’ kwalità ogħla,” qal Albert Marshall, President Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti. “Issa għandna grupp ta’ nies li hu aktar iffukat biex jimplimenta dan il-programm, li se jkun sostnut b’mod sod mir-riżorsi tal-Kunsill kif ukoll minn imsieħba kummerċjali u partijiet interessati fosthom l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta,” sostna Marshall.

Stivala kompliet tispjega kif is-separazzjoni ta’ organizzazzjoni distinta se twassal biex ikun hemm enfasi akbar fuq l-kwalità tal-organizzazzjoni tal-festivals kif ukoll tinħoloq identità unika madwar il-festivals u l-avvenimenti mtellgħin minn Festivals Malta”.

Festivals Malta jmur lil hinn minn sempliċiment organizzar ta’ avvenimenti. Il-viżjoni tagħha hi li trawwem il-kreattività, il-professjonaliżmu, il-parteċipazzjoni u l-edukazzjoni kulturali fil-festivals. L-organizzazzjoni se tiffaċilita l-konnessjoni ma’ festivals internazzjonali oħra biex b’hekk tipprovdi opportunitajiet għal talent lokali waqt li ġġib ideat ġodda u innovattivi lejn Malta. Minħabba l-pożizzjoni tal-gżira f’nofs il-Baħar Mediterran li sservi ta’ pont bejn l-Ewropa u l-Afrika, Malta titqies bħala post ideali għal kollaborazzjoni bejn artisti Maltin u Ewropej. Festivals Malta se tibni fuq dan, flimkien mal-awtentiċità u l-ospitalità tal-pajjiż, biex toħloq il-marka ta’ Malta bħala ‘Il-Gżira tal-Festivals’, post fejn in-nies jistgħu jivvjaġġaw biex igawdu l-aktar forma ta’ arti favorita tagħhom.

bottom of page