It-tmien sessjoni ta’ Gvern li jisma’ kienet iddedikata lill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici semma kif l-Erbgħa kien hemm l-ewwel persuna vittma tad-droga li ngħata t-tieni ċans u ma marx il-ħabs imma ngħata sentenza alternattiva. Hu qal li dan huwa riżultat dirett mill-Att il-ġdid dwar id-dipendenza tad-droga (trattament, mhux ħabs) li daħlet fis-seħħ fl-2015.
Il-Ministru Bonnici ħabbar li dan mhux se jkun każ iżolat minħabba li b’kollox, kien hemm 22 persuna oħra li ġew riferuti mill-Qrati lill-Bord ta’ Riabilitazzjoni mid-Droga, presedut mill-Imħallef Emeritus Giovanni Bonello.
Il-Ministru Bonnici qal li dan il-Gvern għandu pjanijiet xi jwettaq anke fis-settur kulturali. Semma kif fil-budget ta’ kull sena naraw il-fondi kulturali jiżdiedu u fil-fatt hemm allokat €70 miljun għas-settur kulturali fil-budget għall-2018. Huwa nnota kif fl-aħħar snin dan is-settur ra tkabbir fin-numru ta’ impjiegi li joffri, fil-fatt huma 11-il elf ruħ li jaħdmu fis-settur kultutali, u dawn ix-xejriet pożittivi mistennija jkomplu fix-xhur li ġejjin. Il-Ministru Bonnici ħabbar għall-ewwel darba li fil-jiem li ġejjin se jitnieda Festivals Malta, li se tkun fergħa fis-settur kulturali li, “se tiffoka mija fil-mija fuq is-settur tal-festivals, biex ikollna niċċa ekonomika ġdida, dik tal-esperjenza.” Huwa stqarr li dan huwa qasam interessanti li kulma jmur, pajjiżna miexi ’l quddiem u qiegħed jagħmel suċċess fih.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018, Deo Debattista, ħabbar li l-Gvern u l-Fondazzjoni Valletta 2018 se jwaqqfu Aġenzija li se tiggarantixxi il-legat tas-sena 2018.
“Fl-opinjoni tiegħi hemm ħames kriterji li jekk nimxu magħhom nassiguraw legat kulturali mill-aqwa. Appoġġ finanzjarju huwa wieħed minnhom, li l-artisti tagħna jkollhom aċċess għall-fondi xierqa u li nallokaw ammont xieraq mill-budget tagħna għal wirjiet artistiċi u scholarships fost oħrajn. Dan is-settur għandu bżonn ukoll appoġġ politiku u jitpoġġa fiċ-ċentru tal-politika tagħna bħala settur li jista’ jpoġġi lil Malta f’pożizzjoni dejjem aħjar fil-mappa dinjija. Id-domanda ġubblika huwa pilastru ieħor, li aħna nimbuttaw biex is-settur kulturali jaħdem ma’ setturi oħra bħat-turiżmu, l-innovazzjoni, is-servizzi finanzjarji, u l-edukazzjoni. Hemm bżonn ukoll ta’ iktar ambizzjoni kreattiva u ngħarfu l-bżonn li jkollna iżjed artisti u persuni jaħdmu fil-kultura b’mezzi innovattivi. Fl-aħħar, se nimbuttaw ukoll il-kurżità soċjali. Irridu nibdlu s-settur artistiku u kulturali ta’ pajjiżna f’xi ħaġa li l-pubbliku irid ikun parti minnha u trid tappoġġjaha anke finanzjarjament billi tmur tara l-wirjiet artistiċi. Dawn kollha huma l-qofol tal-Aġenzija,” stqarr is-Segretarju Parlamentari Debattista.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis qal li mill-ewwel ġurnata bħala Segretarju Parlamentari beda ħidma biex isiru żewġ riformi ewlenin, dawk fil-qasam tal-Gvern Lokali, kif ukoll fil-qasam tal-Gwardjani Lokali.
Parnis tenna wkoll li hemm numru kbir ta’ sfidi mhux ħażin li jridu jiġu ffaċċjati u bla dubju waħda mill-akbar sfidi hija dik taż-żamma tal-indafa fil-lokalitajiet. B’rabta maż-żieda tal-indafa fil-lokalitajiet, is-Segretarju Parlamentari ħabbar li s-sena d-dieħla se jkun hemm proġett pilota fi tliet lokalitajiet li fihom il-Kunsilli Lokali se jimpjegaw direttament magħhom ħaddiema biex jikinsu dawn il-lokalitajiet. Jekk dan il-pjan ikun suċċess, dan il-proġett se jiġi implimentat fil-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari Parnis stqarr ukoll li fl-ewwel ġimgħat tas-sena d-dieħla se tidħol fis-seħħ bidla radikali fl-infurzar lokali fejn bħalma ntqal fil-budget li għadda, il-Gwardjani Lokali se jiġu impjegati mal-Aġenzija tal-Gvern LESA. L-aspett edukattiv se jkun parti importanti minn din il-bidla, flimkien ma’ infurzar aktar ġust.
Comments