top of page

Eliminati l-miżati għall-għaqdiet tal-volontarjat li jivverifikaw l-impjegati/voluntiera mar-Reġistr



Il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u s-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat ħabbru li daħlu fis-seħħ il-bidliet legali meħtieġa biex jitneħħew il-miżati għall-għaqdiet tal-volontarjat li huma rreġistrati mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji u li jivverifikaw l-impjegati / voluntiera mar-reġistru tal-Ħarsien tal-Minorenni. Din il-proċedura kienet ġġorr spiża li tista' tirriżulta f'piż finanzjarju għal bosta għaqdiet tal-volontarjat li jinvolvu voluntiera biex jaħdmu mal-minorenni u xi drabi jistgħu jfixklu l-konformità tal-liġijiet tagħna, u joħolqu riskju għas-sigurtà tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li l-Gvern hu kommess biex l-amministrazzjoni tal-Qorti tkun sensittiva lejn il-ħtiġijiet tas-soċjetà. Huwa qal li sal-lum l-għaqdiet tal-volontarjat kienu jħallsu Eur 15 għal kull talba u Eur3.75 għal notifika li jagħmlu biex jivverifikaw jekk impjegat jew voluntier huwiex fir-registru tal-Ħarsien tal-Minorenni. Issa dan il-ħlas mhux se jsir iktar u allura se jiġu frankati l-ispejjez lill-għaqdiet. Sostna li komplessivament fl-2017 daħlu 419 Rikors biex wieħed jiċċekkja dan ir-reġistru. Dawn l-aħħar tliet snin minn 2015 sa 2017 daħlu mal-887 Rikors.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima saħaq li “Aħna nħarsu lejn iż-żgħażagħ tagħna u ma nistgħux nikkompromettu dwar is-sikurezza tagħhom. L-għaqdiet tal-volontarjat huma mistennija u għandhom ir-responsabbiltà legali li jikkonformaw mal-liġi. Li xi ħadd li ma jkunx skrinjat li jaħdem / joffri volontarjat mat-tfal u ż-żgħażagħ huwa inaċċettabbli u mhux skużabbli. L-appoġġ lejn l-għaqdiet tal-volontarjat huwa essenzjali biex is-settur jikber. Din il-bidla fil-liġi se tgħin lill-għaqdiet tal-volontarjat, li min-naħa tagħhom jistgħu jużaw dawn il-flus għal proġetti oħra iżjed utli.”

Is-sigurtà u l-benesseri tat-tfal u ż-żgħażagħ huma prijorità u dan jeħtieġ impenn mill-partijiet kollha involuti. L-għaqdiet tal-volontarjat kollha, li huma pubbliċi, privati ​​jew volontarji, għandhom jiċċekkjaw li min jaħdem ma' minorenni jiġi approvat mar-Reġistru tal-Ħarsien tal-Minorenni biex jivverifika li l-persuna m'għandha l-ebda passat kriminali relatat mal-abbuż tat-tfal. Dan l-obbligu, magħruf ukoll bħala Rikors 518, huwa stabbilit skont l-Att dwar il-Ħarsien tal-Minorenni li ġie mgħoddi fil-Parlament Malti fl-20 ta' Jannar, 2012.

Din il-bidla fil-liġi għandha tiżgura l-aderenza sħiħa mal-liġi mill-għaqdiet tal-volontarjat kollha meta jitqies li dan il-proċess se jsir bla ħlas u min-naħa l-oħra qiegħda tiġi mistennija aktar protezzjoni għall-minorenni tagħna. L-Għaqdiet tal-Volontarjat se jkunu appoġġjati aktar f'dan il-proċess permezz ta' gwida dwar kif għandhom jitwaqqfu mekkaniżmi ta' rispons fir-rigward tal-protezzjoni tat-tfal / minorenni biex ikunu jistgħu jisfruttaw mekkaniżmi ta' riferiment lill-awtorità xierqa meta u jekk meħtieġ.

Din hija xi ħaġa li l-Gvern jemmen bis-sħiħ fiha għaliex ma tistax tiġi kompromessa s-sigurtà tat-tfal u ż-żgħażagħ. Dan it-tnaqqis fl-ispejjeż għall-għaqdiet tal-volontarjat se jgħinhom iżjed biex jaħdmu skont ir-rekwiżiti legali. Il-biċċa l-kbira tal-għaqdiet tal-volontarjat joperaw permezz ta’ donazzjonijiet u permezz ta' voluntiera u l-Gvern huwa impenjat li jkompli jgħin lil dan is-settur jikber fis-servizz tiegħu lejn il-komunità.

bottom of page