top of page

Memorandum ta’ Qbil bejn il-Kunsill Nazzjonali għall-Arti u l-Għaqda Każini tal-Banda



STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI: Memorandum ta’ Qbil bejn il-Kunsill Nazzjonali għall-Arti u l-Għaqda Każini tal-Banda

Il-Ministru Owen Bonnici ppresieda għall-iffirmar ta’ Memorandum ta’ Qbil bejn il-Kunsill Nazzjonali għall-Arti, u l-Għaqda Każini tal-Banda.

Noel Camilleri u Joseph Azzopardi, f’isem l-Għaqda Każini tal-Banda, flimkien ma’ Albert Marshall, il-President Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali għall-Arti, iffirmaw ftehim ta’ kollaborazzjoni għall-preservazzjoni, ir-restawr, ir-riabilitazzjoni u r-rinnovazzjoni ta’ beni mobbli u strutturi differenti li huma proprjetà ta’ każini differenti madwar Malta u Għawdex. Dan ix-xogħol kollu huwa possibbli li jsir minn fondi allokati apposta mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

Din l-għajnuna finanzjarja se tissarraf fi żviluppi fi ħdan is-soċjetajiet mużikali li jvarjaw minn restawr ta’ armar, ta’ pitturi u mużika kif ukoll titjib fis-servizz tat-tagħlim tal-mużika. Dan kollu se jsir bl-iskop li l-każini tal-banda jkunu jistgħu jkomplu jikkontribwixxu lejn il-kultura u l-wirt kulturali ta’ pajjiżna.

Il-Kunsill Malti għall-Arti se jikkollabora mal-Għaqda Każini tal-Banda biex josservaw l-implimentazzjoni ta’ dan kollu. Din l-iskema se tiffoka fuq l-affarijiet u strutturi datati qabel il-ħamsinijiet, għalkemm se jiġu kkunsidrati proġetti oħra jekk ikunu jaqgħu taħt il-parametri tal-iskema ta’ finanzjament.

Dan kien riżultat ta’ inizjattiva mmexxija mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, fejn 21 każin tal-banda se jibbenefikaw minn din l-iskema.



bottom of page