top of page

Imfakkar il-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila



Ix-xahar t’Ottubru huwa marbut mat-twelid u l-mewt tal-Poeta Nazzjonali, Dun Karm Psaila, li twieled f’Ħaż-Żebbuġ nhar it-18 t’Ottubru 1871 u miet San Ġiljan nhar it-13 t’Ottubru 1961. Il-Kumitat Festi Nazzjonali, flimkien mal-Akkademja tal-Malti u d-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar fi ħdan id-Direttorat tal-Edukazzjoni, fakkru lill-Poeta Nazzjonali b’attivita li saret fil-Palazz Presidenzjali ta’ San Anton.

Is-serata kommemorattiva bit-tema “Lil din l-Art Ħanina,” kienet organizzata taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca.

Meta kien qed jindirizza l-attività l-Ministru għall-Ġustizzja. Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li għalkemm m’għandniex ġurnata nazzjonali li tfakkar lil Dun Karm, Ottubru għandu jkun xahar għażiż għalina l-Maltin, għaliex huwa x-xahar li twieled u miet il-Poeta Nazzjonali.

Il-Ministru Bonnici fakkar li Dun Karm huwa persuna letterarja importanti ħafna fl-istorja ta’ pajjiżna, bil-qofol tal-kitba tiegħu jkun l-Innu Malti, innu għażiż għall-Maltin u l-Għawdxin kollha w wkoll innu li serva bħala simbolu li jgħaqqad il-poplu kollu.

Huwa faħħar u rringrazzja lil Kunsill Malti ghall-Arti għall-hidma sfieqa biex inkomplu nippromwovu u nżommu ħajja t-tradizzjonijiet u l-folklor ta’ pajjizna.

Fis-serata li tmexxiet minn Anton Falzon, ħadu sehem il-grupp muzikali Skald, u kien hemm ukoll preżentazzjoni dramatizzata mill-istudent tal-Iskola tad-Drama, fuq kitba ta’ Alan Fenech (Prinċipal tal-Iskola tad Drama), taħt id-direzzjoni ta’ Dominic Said. Saret taħdita dwar il-Poeta Nazzjonali bis-sehem ta’ Kit Azzopardi u Joanne Sciberras.

bottom of page