top of page

25 proġett minn 12-il pajjiż differenti – Inressqu l-Kultura eqreb lejn it-tfal tagħna



Din is-sena, is-seba’ edizzjoni ta’ ŻiguŻajg, il-Festival tal-Arti għat-Tfal u ż-Żagħżagħ se jippreżenta xejn inqas minn ħamsa u għoxrin produzzjoni minn artisti Maltin kif ukoll dawk ta’ fama internazzjonali. Il-programm ta’ din is-sena se jinkludi elementi minn dixxiplini varji bħal ċirku, żfin, teatru, puppetry, film u l-arti viżiva.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici esprima s-sodisfazzjon tiegħu lejn dan il-Festival li ta’ kull sena jirnexxielu jressaq ammont kbir ta’ tfal lejn il-kultura u l-arti. Huwa tenna li dan il-festival huwa importanti biex inissel fil-ġenerazzjonijiet iż-żgħar imħabba lejn il-kultura u l-arti. Il-Ministru qal kif dan jibni fuq il-ħidma tal-Gvern li jagħti l-kultura l-importanza li jistħoqqilha, riflessa fiż-żieda fil-baġit allokat għas-setturi tal-kultura u l-kreattivitá għal total ta’ €70 miljun għall-kultura, inkluż €8 miljun għall-Fondazzjoni Valletta 2018.

Min-naħa tiegħu Daniel Azzopardi, l-Maniġer tal-Programm fi ħdan Spazju Kreattiv qal, "Ninsab konvint li għal sena oħra ser inkunu qed neċċellaw bi programm varjat u għall-gosti ta' ħafna."

L-għan ewlieni ta’ ŻiguŻajg huwa li permezz ta’ produzzjonijiet mill-aqwa, jkabbar l-interess tal-pubbliku fis-settur kreattiv. Il-Festival ta’ ŻiguŻajg ser jittella’ f’diversi mkejjen fil-Belt Valletta bejn is-17 u l-26 ta’ Novembru bit-toroq li se jieħdu ħajja mhux tas-soltu u jilqgħu fihom eluf ta’ persuni li mistennija jattendu.

Puzzle, The Song of the Sea and Aħn'aħwa jew m'aħniex? huma biss tlieta minn ħafna produzzjonijiet li se jiġu ppreżentati din is-sena.

Garanzija li għal sena oħra, dan il-festival ser ikun wieħed ta’ suċċess għall-pubbliku speċjalment għat-tfal li ser ikunu mistiedna wkoll sabiex jieħdu sehem f’diversi attivitajiet li jkunu qegħdin iseħħu!

bottom of page