top of page

Ippubblikat l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika



“Id-demokrazija ta’ pajjiżna llum se tkompli tissaħħaħ”, enfasizza l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, hekk kif beda jindirizza lill-ġurnalisti biex iħabbar il-pubblikazzjoni tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubbika.

Kemm ilu li ngħata l-mandat, il-Gvern għamel diversi liġijiet li kellhom l-għan li jsaħħu d-demokrazija f’pajjiżna, ibda mill-liġi tal-whistleblower, dik tal-finanzjament tal-partiti, il-liġi tat-tneħħija tal-preskrizzjoni, u wkoll il-liġi li rriformat kif ssir il-ħatra tal-ġudikanti f’pajjiżna. B’din tal-lum, dawn kollha jfissru pass ‘l quddiem fid-demokrazija u s-sistema ta’ trasparenza f’pajjiżna.

Il-Ministru Bonniċi qal li b’dan l-abbozz, se jiddaħħal prinċipju importanti ġdid fil-mod kif jinħatru numru ta’ chairpersons ta’ awtoritajiet regolatorji u ambaxxaturi li m’humiex tal-karriera. B’dan l-abbozz, il-ministru responsabbli se jkollu l-obbliġu li jikseb il-parir tal-parlament.

L-abbozz għandu l-għan li joħloq kumitat permanenti ġdid parlamentari msejjaħ “Kumitat dwar il-Ħatriet Pubbliċi tal-Kamra tad-Deputati”. Il-Ministru Bonnici spjega li l-kumitat se jkun iffurmat minn ħames membri li jinħatru mill-Kamra tad-Deputati: tlieta min naħa tal-gvern u tnejn min-naħa tal-Oppożizzjoni, biex tkun riflessa il-kompożizzjoni parlamentari. Il-funzjoni tal-kumitat se jkun li jmexxi smiegħ parlamentari dwar persuni nominati minn Ministri għal ħatriet pubbliċi ewlenin, u eventwalment jagħti parir lill-ministru konċernat.

Il-Ministru Bonniċi semma wkoll dawk li huma l-awtoritajiet regolatorji ewlenin, fosthom: Ambaxxaturi jew Kummissarji Għolja li jkunu political appointees, il-Bank Ċentrali ta’ Malta, l-MFSA, ir-Regolatur għas-Servizz tal-Enerġija u l-ilma, l-Awtorità tat-Trasport f’Malta, l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, il-Malta Gaming Authority, l-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità tal-Ambjent u Riżorsi, il-Kummissarju għall-Organiżazzjonijiet Volontarji, l-Awtorità tal-Artijiet, l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur, l-Awtorità dwar il-Mediċini, l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Għola, u l-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja.

Il-Ministru Bonnici awgura li d-diskussjoni fil-parlament ma ddumx ħalli l-appuntamenti l-ġodda hekk kif tgħaddi l-liġi ‘l quddiem, jgħaddu minn dan l-iskrutinju nnovattiv.

Huwa temm jgħid li b’din il-liġi l-gvern qed ikompli jgħamel passi ‘l quddiem, u b’hekk qed iċedi mill-poteri tiegħu u jgħaddihom lill-parlament billi jitlob parir mingħand il-Kamra tad-Deputati dwar ħatriet li sal-lum, il-Ministru jaħtar essenzjalment lil min irid, mingħajr ma jkollu bżonn imur quddiem il-parlament.

bottom of page