top of page

Imniedi l-festival Notte Bianca għas-sena 2017



PR172068

Notte Bianca se tirritorna b’mod spettakolari fil-Belt Valletta nhar is-Sibt 7 ta’ Ottubru, bi programm imħejji b’reqqa mit-team ta’ Notte Bianca u mill-Kunsill Malti għall-Arti, li jiġbor fih l-aspetti kollha mill-qasam kreattiv. Dawk li se jattendu se jesperjenzaw l-aqwa mużika, żfin, teatru, arti viżiva, attivitajiet letterarji u arti diġitali. L-arti diġitali hi qasam ġdid li Notte Bianca se tkompli tespandi fuqha wara spinta s-sena li għaddiet. L-avveniment se jerġa’ juża t-toroq u l-ispazji pubbliċi tal-Belt b’modi innovattivi u kreattivi permezz ta’ taħlita ta’ proġetti maħduma apposta għal siti partikolari jew li jduru t-toroq.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici f’konferenza stampa qal li permezz ta’ dan l-avveniment annwali nkomplu nibnu fuq il-prijorità ta’ dan il-gvern li jagħmel il-kultura aċċessibbli permezz ta’ esebizzjonijiet artistiċi u entraturi f’siti storiċi miftuħin għal kulħadd. Dan l-avveniment qed jikkontribwixxi ekonomikament u qed jagħti ħajja lill-Belt Valletta li f’dawn l-aħħar snin kompliet tiġi riġenerata, kompla l-Ministru.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista fakkar li din hi l-aħħar Notte Bianca qabel ma l-Belt tieħu l-irwol ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura, u żgur mhux forsi l-organizzaturi żammew dan f’moħħhom biex fasslu programm ta’ lejl ta’ divertiment. Għal-lejl il-pubbliku se jkollu ċans iduq ftit minn dak li matul is-sena 2018 se joħnoq l-ibliet u l-irħula ta’ Malta u ta’ Għawdex. Fuq kollox, din is-sena se jkun hemm enfasi ikbar fuq l-arti interattiva li se tinkludi lill-udjenza – forma ta’ arti li matul il-Valletta 18 se tingħata prominenza kbira.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis qal li l-ibliet Maltin, partikolarment il-belt kapitali preżenti, il-Birgu u l-Imdina, għandhom karatteristiċi differenti minn bliet oħrajn, u li s-Segretarjat dejjem ta importanza u għajnuna finanzjarja għall-attivitajiet kulturali f’dawn l-ibliet. Silvio Parnis spjega li l-kunsilli lokali huma parti integrali mill-amministrazzjoni pubblika u jimmaniġġjaw fondi pubbliċi biex jaqdu r-responsabbiltajiet tagħhom, għalhekk is-segretarjat immexxi minnu qed jembarka fuq riforma estensiva tal-kunsilli lokali li se tassigura li l-kunsilli jagħmlu użu tajjeb mill-fondi pubbliċi.

Id-Direttur Artistiku ta’ Notte Bianca Sean Buhagiar qal li, “Notte Bianca qed tkompli tikber fi pjattaforma akbar għal proġetti ta’ kwalità biex jiddevertu l-udjenzi tagħna waqt li jittrattaw lill-Belt bħala belt miftuħa għall-kultura. Din is-sena nħossu li se jkollna biex nitpaxxew”.

Id-Direttur tal-Festivals Annabelle Stivala tkellmet dwar l-importanza li tiġi offruta varjetà ta’ divertiment u li l-“forom kollha tal-arti se jingħataw importanza mistħoqqa matul dan l-avveniment annwali popolari. Notte Bianca hi avveniment uniku li jiċċelebra l-arti performattiva u lill-Belt innifisha permezz ta’ attivitajiet b’xejn għall-familja u bi skoperti oriġinali madwar il-Belt”.

Għal din is-sena l-programm ta’ Notte Bianca se jkun varjat biex jattira udjenza aktar wiesgħa. Il-programm se jvarja minn mużika elettronika sajazz, u minn mużika Maltija sa mużika internazzjonali. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mis-sit www.nottebianca.org.mt.

Notte Bianca se tittellgħa mid-Direttorat tal-Festivals fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti li jaqa’ taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u entitajiet privati.

bottom of page