top of page

Esebizzjoni bla ħlas fit-8 ta’ Settembru tas-sejf ta’ Jean Parisot de Valette: 39,146 persuna żżur l



STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI

Esebizzjoni bla ħlas fit-8 ta’ Settembru tas-sejf ta’ Jean Parisot de Valette: 39,146 persuna żżur l-esebizzjoni sal-4 ta’ Settembru

Heritage Malta se testendi l-esebizzjoni tas-sejf ta’ Jean Parisot de Valette sal-Ġimgħa 8 ta’ Settembru qabel ma jmur lura fil-Mużew Louvre f’Pariġi. Matul din il-ġurnata s-sejf se jkun esebit għall-pubbliku ġenerali mingħajr ħlas.

Il-ħeġġa tal-pubbliku biex jara s-sejf ta’ de Valette wasslet biex il-Ministru Owen Bonnici u Heritage joffru lill-pubbliku l-opportunità li jgawdi s-sejf bla ħlas, qal il-Ministru Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet. Meta fetħet l-esebizzjoni bejn it-18 ta’ Marzu 2017 sal-4 ta’ Settembru, 39,146 persuna żaret il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija għall-esebizzjoni tas-sejf. Dan ifisser li kien hemm żieda ta’ 39.16% fi żjarat fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena 2016.

Il-Ministru Bonnici qal kemm hu importanti li nedukaw u nnisslu fil-ġenerazzjonijiet futuri l-imħabba lejn l-istorja u l-wirt storiku ta’ pajjiżna biex b’hekk nassiguraw li l-istorja tibqa’ ħajja.

Iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Kenneth Gambin tkellem dwar il-missjoni ta’ Heritage Malta, dik li tagħmel aktar siti aċċessibbli għall-pubbliku permezz ta’ attivitajiet varji inklużi open days matul is-sena, bħala parti mir-responsabbiltà soċjali ta’ din l-entità. Is-Sur Gambin irrefera għal numru ta’ attivitajiet marbutin mal-esebizzjoni tas-sejf ta’ de Valette, bħal-lecture fil-Mużew tal-Arkeoloġija bl-isem ‘Jean de Valette: Ix-Xabla u s-Sejf’ mill-Kap Kuratur tad-Dipartiment ta’ Oġġetti tal-Arti fil-Mużew Louvre, Philippe Malgouyres, nhar is-7 ta’ Settembru.

Din l-esebizzjoni mhix l-unika open day organizzata minn Heritage Malta fit-8 ta’ Settembru. Fl-istess ġurnata l-pubbliku għandu ċ-ċans igawdi minn roħs għad-dħul fil-Forti Sant’Anġlu. Dan kollu hu mibni fuq waħda mill-prijoritajiet ta’ dan il-gvern għas-settur kulturali – li jkollna kultura u wirt kulturali aċċessibbli għal kulħadd.

Nhar it-8 ta’ Settembru l-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija se jkun miftuħ bejn id-9am u s-6pm filwaqt li l-Forti Sant’Anġlu se jkun miftuħ bejn id-9am u s-6.30pm.

bottom of page