top of page

L-ewwel edizzjoni tal-Premju għall-Arti sabiex niċċelebraw il-kisbiet artistiċi f’Malta.



STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA KULTURA U GVERN LOKALI L-ewwel edizzjoni tal-Premju għall-Arti sabiex niċċelebraw il-kisbiet artistiċi f’Malta.

Il-Kunsill Malti għall-Arti nieda programm ta’ premijiet Nazzjonali sabiex niċċellebraw il-kisbiet kulturali u kreattivi tas-settur artistiku Malti. Il-Premju għall-Arti, se jkun wieħed mill-aktar premijiiet prestiġġjuzi ta’ għarfien għall-eċċellenza tax-xogħol artistiku matul is-sena.

Il-trofew, skultura tal-ħġieġ u ċ-ċeramika maħduma mill-artist Malti Kane Cali, kienet żvelata mill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet. Il-Ministru Bonnici qal li l-artisti u l-organizzazjonijiet artistiċi huma l-mutur tas-settur kreattiv f’Malta. Huwa spjega kif il-Premju għall-Arti, mħabbar fil-miżuri tal-baġit 2017, hija opportunità unika li tagħraf u tiċċellebra s-suċċess tal-artisti fuq livell nazzjonali. Il-Ministru Bonnici saħaq kif dan l-apprezzament lejn l-artisti Maltin qed isir fiż-żmien li l-kultura u l-arti f’pajjiżna qed jaraw progress u investiment bla preċedent.

Iċ-Ċerman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall, tenna li dawn il-premijiet jirriflettu l-miri tal-istrateġija tal-Kunsill Create2020. “Dawn il-premijiet se jpoġġu fuq quddiem il-kontribuzzjonijiet kreattivi tal-artisti u l-organizazzjonijiet artistiċi kif ukoll l-impatt tax-xogħol tagħhom fuq is-settur kulturali, l-udjenzi u l-kommunitajiet,” qal Marshall.

Ħdax-il premju se jingħataw waqt ċerimonja li se tittella’ f’Jannar 2018. Toni Attard, id-Direttur għall-Istrateġija għall-Kunsill Malti għall-Arti ħabbar li l-proċess tan-nominazzjonijiet għall-tmien sejħiet se jkun ibbażat fuq sejħa miftuħa filwaqt li l-premju ‘Lifetime Achievement u l-premju għall-Ambaxxatur tal-Arti se jkun propost mill-Kunsill Malti għall-Arti. “Ġurija magħmula minn esperti minn setturi differenti se jkollha r-rwol li tagħżel b’mod indipendenti n-nominazzjonijiet li jwasslu għall-għażla tar-rebbieħ. Il-pubbliku se jkollu l-opportinità li jirrikonoxxi l-produzzjoni

artistika preferuta tas-sena permezz tal-Audience Choice Award,” ikkonkluda Attard.

Din l-ewwel edizzjoni tal-Premju għall-Arti se tkopri proġetti, produzzjonijiet u attivitajiet fis-settur kulturali u kreattiv li tnedew jew kienu ppreżentati bejn l-1 ta’ Settembru 2016 u l-31 t’Awwissu 2017.

Nominazzjonijiet għall-kategoriji segwenti jistgħu jintbgħatu sas-27 t’Ottubru 2017: 1. L-aqwa xogħol artistiku għal Udjenzi Żgħar 2. L-aqwa proġett artistiku fil-kommunitá 3. L-aqwa programm jew staġun artistiku 4. L-aqwa produzzjoni artistika 5. L-aqwa kisbiet internazzjonali 6. L-aqwa intrapriża kreattiva 7. L-artist żagħżugħ/a tas-sena 8. L-artist tas-sena

Il-Linji Gwida u l-formoli għan-nominazzjonijiet jinstabu fuq www.artscouncilmalta.org. Il-Premju għall-Arti hija inizjattiva tal-Kunsill Malti għall-Arti permezz tal-Fond Nazzjonali għall-Eċċellenza Artistika fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali. Il-Premju għall-Arti qed jingħata appoġġ mill-lukanda Phoenicia.

bottom of page