top of page

Esebizzjoni tal-arti b’riżq ALS Malta



STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI: Il-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista jiftħu esebizzjoni tal-arti b’riżq ALS Malta.

“L-arti tista’ sservi wkoll bħala mezz ta’ solidarjetà u għajnuna lil min hu fil-bżonn”, qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt il-ftuħ uffiċjali tal-esebizzjoni tal-arti ilbieraħ filgħaxija. L-esebizzjoni għandha pitturi ta’ Mark Mallia u hija ppreżentata minn Caffe Cordina b’riżq ALS Malta.

Il-Ministru Bonnici spjega kif esebizzjonijiet bħal dawn huma opportunità għall-artist li jesebixxi t-talenti tiegħu u opportunità biex in-nies jixtru pitturi mill-isbaħ għad-djar tagħhom. Fl-istess waqt l-arti tkun qed tintuża bħala għodda ta’ solidarjetà u għajnuna lil min hu fil-bżonn.

Il-Ministru Bonnici faħħar lill-ALS Malta għax-xogħol siewi li qed tagħmel sabiex tgħin lill-persuni li jbatu minn din il-kundizzjoni u awgura aktar ħidma siewja lill-għaqda, b’mod speċjali lil Bjorn Formosa li fil-ġlieda tiegħu mal-marda tal-ALS qed jagħmel ħafna ġid b’inizjattivi bħal dawn.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista qal li l-arti hija xi ħaġa pożittiva li tista’ twassal għal affarijiet pożittivi bħal għajnuna lil min ibati minn kundizzjonijiet mediċi bħall-ALS.

Il-pubbliku li jattendi din l-esebizzjoni jista’ jixtri l-biċċiet tal-arti esebiti bil-flus imorru bħala donazzjoni lil ALS Malta. Din l-esebizzjoni se tibqa’ miftuħa sa nhar il-Ħadd 2 ta’ Lulju 2017.​

​​​

bottom of page