top of page

123 tablet jew laptop u 132 servizz ta’ internet b’xejn mogħtija lil tfal vulnerabbli



Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici ħabbar li mill-ġurnata tal-għeluq tal-iskejjel sal-lum ingħataw total ta’ 123 tablets u laptops u 132 aċċess għall-internet b’xejn lil studenti vulnerabbli.  Dan ifisser li mingħajr din l-għajnuna, dawn l-istudenti u familji vulnerabbli kienu jispiċċaw mingħajr aċċess għal edukazzjoni.

It-talbiet għadhom deħlin u qed isiru l-isforzi kollha biex il-proċess ikun effiċjenti kemm jista’ jkun.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li hekk kif l-iskejjel ingħalqu minħabba l-COVID-19 beda proċess li bih tqassmu tablets, laptops u aċċess għall-internet b’xejn lill-familji vulnerabbli. 

“Nirringrazzja lil dawk il-kumpaniji li kellmuna riċentament u laqgħu l-appell li għamilna bħala ministeru għal donazzjonijiet li huma importanti immens sabiex kull student ikun jista’ jkompli bit-tagħlim tiegħu. Ma’ dawk li diġà ħabbarna, rċevejna 60 tablet oħra, laptop u kompjuter biex b’hekk s’issa rċivejna total ta’ 95 tablet, 4 laptops u 7 kompjuters flimkien ma’ donazzjonijiet finanzjarji ta’ €19,130”, qal il-Ministru Bonnici.

Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll numru ta' kumpaniji u individwi li fil-jiem li għaddew taw kompjuters, latops, tablets jew donazzjoni lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol għal dan il-għan.

“Aħna bħala Gvern kommessi li nibqgħu ntejbu s-sistema edukattiva ħalli tkun l-aħjar sistema possibli għall-ġid ta’ uliedna u ulied uliedna. Nirringrazzja wkoll lil dawk li avviċinawna biex jgħinuna, speċjalment sabiex l-ebda tifel u tifla ma jaqgħu lura fl-istudji tagħhom”, ikkonkluda l-Ministru Bonnici.

Ġie spjegat illi t-talbiet kollha ta’ studenti li qegħdin fuq Skema 9 ġew milqugħa u ngħataw l-assistenza li talbu. Ma’ dawn, il-ministeru laqa’ wkoll talbiet minn familji li għalkemm mhumiex fuq Skema 9 talbu għajnuna. Dan sar wara evalwazzjoni minn kumitat imwaqqaf apposta.  It-talbiet jidħlu b’mod regolari u bħalissa hemm pendenti 40 talba oħra għal għoti ta’ tablet, liema talbiet qed jiġu proċessati bla dewmien.

Il-Ministru Owen Bonnici, apparti li diġà ta xahar paga ministerjali bħala donazzjoni għal dawk it-tfal fi bżonn, tenna l-appell lil kumpaniji privati biex joffru l-għajnuna tagħhom u jsellfu kompjuters, laptops u tablets lill-Ministeru għall-Edukazzjoni biex jingħataw lil dawk it-tfal vulnerabbli li m’għandhomx dawn il-mezzi.

Għal iktar informazzjoni wiehed jista’ jċempel fuq 25981000.




bottom of page