Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli żaru l-attivitajiet relatati mal-aspett folkloristiku u tradizzjonali tal-festa tradizzjonali ta’ San Girgor.
![](https://static.wixstatic.com/media/1d81d4_3f82cc4a7e1140fcb5861e6f8208cecf~mv2.jpg/v1/fill/w_147,h_97,al_c,q_80,usm_0.66_1.00_0.01,blur_2,enc_auto/1d81d4_3f82cc4a7e1140fcb5861e6f8208cecf~mv2.jpg)
Din il-festa tittella’ kull l-ewwel Erbgħa wara ċ-ċelebrazzjoni tal-Għid il-Kbir. Minbarra r-rabtiet reliġjużi, il-festa ta’ San Girgor hija magħrufa wkoll għax fiha ssir l-ewwel għawma.
Għal sena oħra ttella’ programm kulturali u folkloristiku, li kien jinkludi kunċert fil-Knisja ta’ San Girgor fiż-Żejtun minn KorMalta taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Riccardo Bianchi, li sar ilbieraħ filgħaxija. Illum, imbagħad, saret il-purċissjoni li bdiet mill-Kappella ta’ San Klement sal-Knisja ta’ San Girgor, b’diversi bankarelli b’elementi ta’ wirt kulturali ħdejn il-Knisja ta San Girgor. Fi Ġnien Għannejja u l-Ġnien tal-Kmand kien hemm id-daqq tal-banda. Waranofsinhar, il-festa tkompliet max-xatt ta’ Marsaxlokk bis-sehem ta’ diversi għannejja u kitarristi.
Il-programm kulturali u folkloristiku ġie organizzat mid-Direttorat tal-Kultura, il-Kunsill Lokali taż-Żejtun u l-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk.