• Team Owen Bonnici

Tqegħid tal-ewwel ġebla fl-Iskola Primarja fir-Rabat, Għawdex, b’investiment ta’ €10 miljun



Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żaru s-sit fejn ser tinbena l-iskola primarja l-ġdida fir-Rabat, Għawdex, u qiegħdu l-ewwel ġebla. Jakkumpanjawhom kien hemm is-Segretarju Permanenti Frank Fabri, is-Segretarju Permanenti John Borg, il-Prinċipal tal-Kulleġġ ta’ Għawdex Dr Denise Mifsud u l-Kap tal-Iskola Lelio Spiteri.

Dan il-proġett fir-Rabat Għawdex, qed isir wara snin ta’ pjanar kif ukoll ta’ deċiżjonijiet bil-galbu u ser ikun l-akbar proġett kapitali fl-infrastruttura edukattiva f’Għawdex. L-iskola primarja eżistenti fir-Rabat għandha madwar 160 sena.

L-iskola l-ġdida se jkollha 16-il klassi għas-snin tal-edukazzjoni primarja u 10 klassijiet għall-kindergarten. L-iskola se jkollha wkoll klassijiet għal suġġetti speċifiċi fosthom għat-tagħlim tax-xjenza, tat-teknoloġija tal-informatika u tal-arti. Id-daqs tal-iskola se jkun ta’ madwar 8,000 metru kwadru, bi 3,000 minnhom għall-isport u għar-rikreazzjoni tat-tfal.

Il-Ministru Owen Bonnici qal, “Illum qed nassistu għat-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-iskola primarja l-ġdida li se nkunu qed nibnu għal uliedna f’din il-lokalità li dejjem qed tikber. Kien proprju dan il-gvern li sema’ lill-edukaturi u ħass il-bżonn li hawn ukoll għandna nibnu skola ġdida. Il-bini tal-iskola l-ġdida hu investiment ta’ madwar €10 miljuni fl-infrastruttura edukattiva ta’ pajjiżna. Dan il-proġett qed isir fi sfond ta’ investiment akbar li qed jagħmel il-gvern fl-iskejjel tal-Istat, liema investiment ilaħħaq madwar €55 miljun”.

Il-Ministru Bonnici żied li, “Se jkollna skola mgħammra bl-aqwa faċilitajiet inklużi dawk tat-teknoloġija u tal-isports, bħall-iskejjel kollha li qed nagħmlu. Il-komunità lokali wkoll se tgawdi minn dan il-proġett permezz ta’ ċentru għall-ħarsien tat-tfal għall-ġenituri li jaħdmu kif ukoll permezz ta’ bosta faċilitajiet sportivi li jistgħu jintużaw wara l-ħinijiet tal-iskola. Bħala gvern, aħna kommessi li l-bini tal-iskejjel ikun inklussiv għat-tfal u għall-istudenti kollha wkoll għalhekk qed naraw li l-iskejjel ikunu aċċessibbli għal kulħadd, inkluż għal persuni li għandhom diffikultajiet ta’ mobbiltà”.

“Meta ġejna biex nippjanaw dan il-proġett iddeċidejna li apparti l-bini ta’ skola primarja ġdida, inkabbru u nimmodernizzaw il-middle school li hawn biswit, liema xogħlijiet diġà bdew. Nirringrazzja lill-edukaturi kollha, b’mod partikolari lill-prinċipal tal-kulleġġ u lill-kap tal-iskola, kif ukoll lill-ġenituri u lit-tfal kollha tal-koperazzjoni li qed juru sakemm tinbena din l-iskola l-ġdida. Bħalma għamilna fi proġetti oħrajn, meta titlesta, din se tkun skola mill-isbaħ kif verament jixraqilhom uliedna u l-edukaturi tagħna”, ikkonkluda l-Ministru Bonnici.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li dan huwa proġett infrastrutturali differenti, “Fis-sens li mhux qed nitkellmu fuq infrastruttura jew rikostruzzjoni ta’ triq imma dan huwa proġett għall-istudenti u għat-tfal tagħna. Il-bżonn ta’ skola primarja ikbar u adekwata għall-esiġenzi tal-lum fir-Rabat Għawdex kien ilu jinħass għal numru ta’ snin. Illum nistgħu ngħidu li x-xogħol beda u ftit tax-xhur oħra se jkollna skola primarja ġdida fiċ-ċentru tar-Rabat, inklużi childcare centre u refurbishment sħiħ tal-middle school anke f’din iż-żona. Din l-iskola se tkun alternattiva ferm aħjar għat-tfal kollha li jattendu jew li se jattendu l-iskola primarja tar-Rabat, Għawdex”.

Il-Ministru Camilleri rrimarka li, “F’din iż-żona mhuwiex l-uniku proġett li għandna għaddej bħalissa. Minbarra dan il-proġett, ftit metri ’l bogħod u ftit tal-jiem ilu bdejna l-kostruzzjoni taċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv ukoll fir-Rabat u li hu l-ewwel tax-xorta tiegħu f’Għawdex. Dan se jkun qed jikkumplimenta tajjeb din l-iskola fejn se jkollna numru ta’ żoni għal diversi dixxiplini sportivi b’mod speċjali dawk indoor kif ukoll il-pixxina ta’ daqs olimpiku. Però, aktar minn hekk, ftit metri ’l bogħod minn hawnhekk bħalissa għaddejja l-kostruzzjoni tal-ewwel mużew ta’ Għawdex. Ftit tax-xhur oħra se jkollna l-ewwel wing lesta li se tospita l-istorja marittima ta’ din il-gżira. Għaldaqstant, jekk nieħdu dawn l-investimenti b’mod globali f’din iż-żona fiċ-ċentru tar-Rabat qed isir investiment fi proġetti kbar ta’ madwar €30 miljun sabiex ikunu jistgħu jitgawdew mill-poplu tagħna kollu”.

Il-Ministru Clint Camilleri kkonkluda li, “Dan kollu jirrifletti l-viżjoni u l-ħidma ta’ dan il-gvern għal Għawdex”, filwaqt li rringrazzja lill-Ministru Owen Bonnici talli, “Jagħti l-importanza lill-iskejjel f’Għawdex daqs dawk f’Malta sabiex l-istudenti Għawdxin mhux biss jingħataw tagħlim tal-ogħla livell iżda jgawdu mill-aqwa ambjent li jixraqilhom”.

Il-Prinċipal tal-Kulleġġ Dr Denise Mifsud qalet, “Fil-preżent, il-popolazzjoni tal-iskola kienet tinkludi 350 student mill-kindergarten sas-sitt sena. Fl-iskola l-ġdida, minbarra l-klassijiet, hemm ukoll kmamar fejn jistgħu jiġu mgħallma suġġetti speċifiċi, bħall-arti, il-mużika, id-drama u x-xjenza. Se jkollna staffroom spazjuża li tixraq lill-edukaturi kollha kif ukoll gym li se jkun mgħammar tajjeb li żgur se jtejjeb l-attivitajiet sportivi fuq ġewwa, minbarra ż-żoni ta’ barra fejn l-istudenti jistgħu jkollhom il-brejk tagħhom fil-beraħ. L-iskola l-ġdida se jkollha wkoll sala għall-assembly ta’ filgħodu meta t-temp ikun kiesaħ u attivitajiet oħra simili. Il-bini kollu jagħti sens ta’ sjieda u jagħti spinta lill-etos tal-iskola. Din l-iskola l-ġdida żgur li se tkun bonus għall-istudenti kollha preżenti u futuri tal-iskola primarja fil-Kulleġġ ta’ Għawdex, grazzi għaż-żewġ ministri”.

Dan il-proġett qed isir b’investiment totali ta’ €10 miljun.

L-iskola primarja u l-kindergarten flimkien se jkunu kapaċi jesgħu madwar 650 tifel u tifla.



1 view0 comments
  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436