top of page

Tnediet konsultazzjoni pubblika dwar il-Buyers’ Charter għal aktar trasparenza u protezzjoni fix-xiri tal-proprjetà

Sep 2
2 min read

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici nieda l-bidu ta’ proċess ta’ konsultazzjoni li għandu jwassal biex jitfassal Buyers’ Charter li jistabbilixxi prinċipji, standards u aspettattivi ċari għat-tranżazzjonijiet kollha ta’ proprjetà residenzjali.

 

Il-Buyers’ Charter hija waħda mill-wegħdiet elettorali li qed tiġi indirizzata fl-ewwel 100 jum ta’ dan il-Gvern, u tirrifletti viżjoni li tagħraf li l-ħtiġijiet ta’ persuna dwar l-akkomodazzjoni jistgħu jinbidlu tul ħajjitha.

 

Il-Ministru Bonnici stqarr, “Meta persuna tixtri proprjetà, tkun qed tieħu deċiżjoni li tista’ taffettwa ħajjitha u l-familja tagħha għal ħafna snin. Għalhekk irridu li x-xerrej ikun jaf eżatt x’inhuma d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tiegħu, x’għandu joqgħod attent għalih u x’jista’ jagħmel jekk id-drittijiet tiegħu ma jiġux rispettati. Qed inġibu flimkien lill-istakeholders kollha biex nibnu permezz ta’ konsultazzjoni Buyers’ Charter li tkun prattika, ċara u kredibbli. Din hija l-politika li tagħti aktar vuċi, aktar għarfien u aktar saħħa lill-konsumatur.”

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal, “Ir-rwol tal-Awtorità tad-Djar mhuwiex biss li tipprovdi għajnuna fil-qasam tal-akkomodazzjoni imma wkoll li tikkontribwixxi biex ikollna suq tal-propjetà li jaħdem aħjar għan-nies. Il-Buyers’ Charter għandu joffri l-opportunità li flimkien mal-istakeholders f’dan is-settur nistabbilixxu sett komuni ta’ prinċipji u aspettattivi li japplikaw għax-xerrejja kollha ta’ proprjetà residenzjali. L-ambizzjoni tagħna hija li dan iservi ta’ dikjarazzjoni nazzjonali ta’ x’jinvolvu prattiċi tajbin fis-suq tal-proprjetà f’pajjiżna.”

 

Din l-inizjattiva se tkun qed tibni fuq il-First-Time Buyers Guide introdotta mill-Awtorità tad-Djar is-sena li għaddiet, iżda se jkollha ambitu ferm usa’: mhux se tkun indirizzata biss lejn min qed jixtri l-ewwel dar tiegħu, iżda lejn kull xerrej ta’ proprjetà residenzjali, irrispettivament mill-età, mill-istadju tal-ħajja jew mir-raġuni għax ikun qed jidħol fis-suq.

 

Il-Buyers’ Charter se tkun ibbażata fuq prinċipji ta’ trasparenza, għarfien tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet, u empowerment tal-konsumatur, inkluż informazzjoni ċara dwar x’jista’ jagħmel xerrej meta d-drittijiet tiegħu ma jiġux rispettati.

 

Il-proċess se jġib flimkien lill-atturi ewlenin fis-settur, fosthom żviluppaturi, aġenti tal-proprjetà, banek, periti, nutara u awtoritajiet pubbliċi, bil-għan li tinħoloq għodda waħda, aċċessibbli u prattika. Dan iċ-Charter se jenfasizza wkoll prattiċi tajbin u sfidi li x-xerrejja għandhom ikunu konxji minnhom qabel jieħdu waħda mill-aktar deċiżjonijiet importanti finanzjarji ta’ ħajjithom.



 
 
 

Comments


bottom of page