top of page

Titwaqqaf l-Aġenzija Nazzjonali tal-Arti Perfomattiva

Titwaqqaf l-Aġenzija Nazzjonali tal-Arti Perfomattiva li tiġbor flimkien KorMalta, TeatruMalta u Żfin Malta


Mro Dominic Galea maħtur l-ewwel Kap Eżekuttiv ta’ din l-Aġenzija ġdida



Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-Aġenzija Nazzjonali tal-Arti Performattiva (ANAP) li ser tipprovdi qafas legali, amministrattiv, u organizzattiv għal KorMalta, TeatruMalta, u ŻfinMalta, biex dawn is-setturi tant importanti jkomplu jimxu ’l quddiem u jiżviluppaw.


Il-Mro Dominic Galea ġie maħtur l-ewwel Kap Eżekuttiv ta’ din l-Aġenzija.


“Bħala Gvern impenjati li niżguraw aktar żvilupp fis-setturi kulturali u kreattivi. Din l-Aġenzija se sservi bħala pjattaforma b’saħħitha għal aktar kollaborazzjoni li twassal għal titjib f’dawn is-setturi. Nemmen li permezz ta’ aġenzija bħal din nistgħu nżidu aktar l-aċċessibbiltà għall-arti, insaħħu l-ekonomija kreattiva, u nipprovdu lill-artisti tagħna bi pjattaforma aktar stabbilita għall-professjonalizzazzjoni tas-settur,” qal il-Ministru Bonnici.


L-Aġenzija l-ġdida se tistabbilixxi legalment ukoll lil KorMalta bħala l-Kor Nazzjonali, TeatruMalta bħala l-Kumpanija Teatrali Nazzjonali, u tkompli ssaħħaħ lil ŻfinMalta bħala l-Kumpanija Nazzjonali taż-Żfin Kontemporanju.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall qal “Din l-Aġenzija se tkompli tirrappreżenta l-arti performattiva Maltija fuq livell internazzjonali, tiggarantixxi kalendarju nazzjonali ikkonsolidat u b’saħħtu għas-settur tal-arti performattiva, filwaqt li tkompli tikkollabora ma’ Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi u s-settur privat. Dawn it-tliet entitajiet, fi ħdan din l-Aġenzija, bla dubju jagħtu kontribut notevoli fit-tiswir tal-pajsaġġ kulturali ta’ Malta.”

L-Aġenzija se jkollha Bord ta’ Diretturi u se tkun immexxija minn Kap Eżekuttiv, Direttur Amministrattiv, u tliet Diretturi Artistiċi. Sabiex tiġi assigurata kontinwità fil-ħidma, il-persuni li kienu jokkupaw il-kariga ta’ Chairperson u Membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ ŻfinMalta, issa se jkunu qed jokkupaw il-kariga ta’ Chairperson u Membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ din l-Aġenzija.


Iċ-Chairperson tal-ANAP, Alison White sostniet li l-Aġenzija se taħdem biex toħloq opportunitajiet edukattivi ġodda u tfittex li trawwem rabtiet bejn l-industrija f’Malta u f’pajjiżi oħra permezz tax-xogħol internazzjonali tagħha.


Min-naħa tiegħu, l-Kap Eżekuttiv tal-ANAP, Dominic Galea, qal li dawn it-tliet entitajiet se jkunu l-pijunieri ta’ dan il-proġett kreattiv tant meħtieġ u li se jkun strumentali fil-proċess tat-tisħiħ, l-iżvilupp u t-tkabbir tas-settur kulturali u artistiku Malti.


Mro Dominic Galea


Dominic Galea studja l-pjanu jazz ma’ missieru Sammy u aktar tard f’Londra ma’ Stan Tracey.


Mro Galea kompla l-istudji tiegħu fil-kompożizzjoni mal-Maestro Pawlu Grech u kiseb Masters Degree mill-Università ta’ Malta fl-2010. Għandu wkoll diversi diplomas fis-suġġetti; Pianoforte Performance, Theory, Composition, Fellowship, Diploma in Professional Achievement, kollha mil-London College of Music, kif ukoll “Outstanding Musicianship Certificate” minn Berklee fl-Umbria.


Mill-1983, Mro Galea pparteċipa u rebaħ diversi premjijiet f'festivals kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta: is-Slovakkja, l-Eġittu, l-Awstralja, il-Bulgarija u l-Italja fost oħrajn. Huwa rebaħ ukoll il-Premju għall-Aħjar Kompożitur fil-“Malta Music Awards” fl-2001.


Ix-xogħlijiet versatili ta’ Mro Galea jinkludu: sittax-il Musical, ħa ħsieb il-mużika ta’ numru kbir ta’ xogħlijiet letterarji Maltin, mużika għal programmi televiżivi, Short Film, Ballet, Jazz Suites u xogħlijiet oħrajn kontemporanji. Riċentament, Dominic Galea ġie promoss bħala wieħed mill-pjanisti ewlenin tal-jazz fl-Ewropa fi klabb famuż tal-jazz f'Londra. Huwa ħa sehem fil-“Bratislava Jazz Days” (1985), fejn il-kompożizzjoni tiegħu “Horizon” ġiet irrekordjata fuq album doppju li kien fih mużiċisti internazzjonali tal-jazz bħal Stanley Clarke, Terje Rypdal u John McLaughlin.


Ipparteċipa wkoll f’diversi festivals tal-Jazz u Kulturali f’Malta, fl-Ingilterra, f'Ċipru, fil-Portugall, fl-Italja, fi Franza, fil-Belġju u fil-Ġermanja.


Mro Galea pproduċa 'l fuq minn tletin album li l-biċċa l-kbira minnhom kellhom kompożizzjonijiet tiegħu stess.


Ilu jgħallem fl-Università ta’ Malta mill-2008.






2 views
bottom of page