top of page

Titnieda l-inizjattiva ‘Lokali għal Globali’ Workshops bla ħlas għall-kreattivi lokali li jridu jkomplu jimirħu fl-industrija tal-films



Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar it-tnedija ta’ Lokali għal Globali li jikkonsistu f’workshops ta’ livell għoli li għandhom l-għan li jgħinu u jipprovdu lill-film makers Maltin bl-għodod meħtieġa biex jimirħu iktar fil-qasam tal-industrija tal-films.

 

“It-tnedija tal-lum mhix biss inizjattiva kwalunkwe, iżda hija dwar kif qed nagħtu lill-film makers lokali l-għodod u l-kunfidenza meħtieġa biex jikkompetu fuq livell globali. Din it-tnedija hija mibnija fuq il-fatt li t-talent diġà jeżisti hawn f’pajjiżna u issa qed noħolqu l-istrutturi biex dan it-talent jiffjorixxi iktar,” qal il-Ministru Bonnici.

 

Il-programm, li huwa mmexxi mid-Dipartiment għall-Iżvilupp u l-Istrateġija tal-Films fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, jagħmel parti minn viżjoni usa’ biex tinbena industrija awdjoviżiva indiġena reżiljenti u orjentata lejn l-esportazzjoni, u jidħol taħt l-impenn tal-Kunsill li jappoġġja l-kreattivi Maltin.

 

Waqt it-tnedija, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall qal li, “Dan il-programm jirrifletti l-impenn strateġiku tal-Kunsill biex jissaħħaħ is-settur awdjoviżiv permezz ta’ intelliġenza kummerċjali, edukazzjoni, u internazzjonali. ‘Lokali għal Globali’ mhux sempliċiment workshop – huwa pass lejn sħubijiet fit-tul u aċċess għal swieq ġodda.”

 

Lokali għal Globali huwa serje ta’ tliet workshops mifruxa fuq disat ijiem, b’enfasi fuq pilastri essenzjali tal-industrija: żvilupp, finanzjament, produzzjoni, distribuzzjoni, marketing, u intelliġenza artifiċjali (AI).

 

Is-sessjonijiet se jkunu mmexxija minn Dr Angus Finney, espert rinomat globalment fil-qasam tan-negozju tal-films u l-produzzjoni eżekuttiva, li ħadem fost oħrajn mal-British Film Institute u l-Università ta’ Cambridge.

 

L-Iskeda tal-Programm tikkonsisti fis-sessjonijiet li ġejjin:

Sessjoni 1: Żvilupp – 14, 15, 16 ta’ Mejju

Sessjoni 2: Finanzjament u Produzzjoni – 27, 28, 29 ta’ Mejju

Sessjoni 3: Distribuzzjoni, Marketing u AI – 22, 25, 27 ta’ Ġunju

 

Din l-inizjattiva hija mmirata lejn firxa wiesgħa ta’ professjonisti fis-settur awdjoviżiv Malti u tagħmel parti mill-istrateġija fit-tul tal-Kunsill Malti għall-Arti biex jissaħħaħ is-settur domestiku, titjieb il-kompetittività internazzjonali, u jingħata spazju lill-vuċijiet Maltin fuq livell globali. L-applikazzjonijiet jintlaqgħu mit-8 t’April sat-30 t’April 2025 fuq filmunit.acm@artscouncil.mt.

 


 

Comments


bottom of page