top of page

Tiftaħ l-10 edizzjoni tal-Valletta Green Festival



Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien maċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef fetħu l-10 edizzjoni tal-Valletta Green Festival, fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta, li qed jittella’ bejn l-10 u d-19 ta’ Mejju 2024.

 

Il-Ministru Owen Bonnici spjega kif għal dan il-festival, Pjazza San Ġorġ ġie trasformat fi ġnien li jinkludi 62 siġra, madwar 5,000 arbuxelli, flimkien ma’ 13,000 pjanta u żewġ funtani. Is-siġar jinkludu varjetajiet Mediterranji bħal ħarrub, ċipress, canfora, oleander, u siġar taż-żebbuġ.

 

“Permezz ta’ inizjattivi bħal Valletta Green Festival, qed nibqgħu nżommu l-Belt Valletta ħajja. Inħeġġeġ lill-familji sabiex jattendu għal dan il-festival biex anke jgawdu dan il-ġnien,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

 

Iċ-Chairman tal-Aġenzija Jason Micallef tenna li din hija l-akbar edizzjoni li qed tittella’ tal-Valletta Green Festival. “Nistiednu lill-familji biex jiġu jgawdu dan l-ispazju mill-isbaħ fil-qalba tal-belt kapitali u l-attivitajiet li ġew ippjanati.”

 

L-attivitajiet matul il-festival jinkludu mużika live minn Trakadum, is-Sibt 11 ta’ Mejju bejn l-10.30am u nofsinhar u Ta’ Verna Folk Band, il-Ħadd 12 ta’ Mejju, bejn is-2pm u l-4pm. Is-Sibt 18 ta’ Mejju se tkun qed tittella’ flash mob.

 

Tul Triq it-Teatru l-Antik, ħa jkun hemm stands tal-EcoMarket li se jkunu miftuħa bejn l-10am sas-6pm. L-EcoMarket huwa sinonimu ma’ bejjiegħa ta’ oġġetti magħmulin bl-idejn, u li huma ambjentalment konxji u sostenibbli. Wieħed jista’ jgawdi minn varjetà ta’ prodotti u servizzi fosthom prodotti tas-sbuħija, ġojjelli u oġġetti tal-moda, pitturi, oġġetti dekorattivi u ħafna aktar. Fi tmiem il-ġimgħa ser jiġi offrut face painting għat-tfal kif ukoll numru ta’ workshops prattiċi li jrawmu l-kuxjenza ambjentali li se jittellgħu bejn il-11 u t-12 ta’ Mejju u t-18 u d-19 ta’ Mejju, bejn it-3pm u s-6pm.

 

Derek Garden Centre u l-ERA qed jorganizzaw numru ta’ attivitajiet interattivi biex jitkattar l-għarfien dwar il-pjanti u s-sostenibbiltà.

 

Għal aktar informazzjoni żur it-taqsima tal-Attivitajiet fuq is-sit tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta www.vca.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook.



 

 



 


コメント


bottom of page