• Team Owen Bonnici

Tiġi mnedija l-ewwel edizzjoni tal-Malta VET Awards



Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici nieda konkors ta’ premjijiet fis-settur tal-edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ li se jiġi organizzat għall-ewwel darba f’Malta.

It-tnedija tal-Malta VET Awards hija allinjata mal-Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet Vokazzjonali, organizzata kull sena mill-Kummissjoni Ewropea u kull stat membru. Il-Malta VET Awards jirriflettu wkoll il-VET Excellence Awards, li huma organizzati fuq livell Ewropew kull sena. Il-premjati Maltin jistgħu eventwalment jiġu nnominati għall-premjijiet Ewropej.

Il-Ministru Owen Bonnici qal; “Dawn il-premjijiet jipprovdu pjattaforma fejn prattika tajba, innovazzjoni u eċċellenza fil-VET jingħataw profil ogħla u viżibilità mtejba. Kull sena, il-Kummissjoni Ewropea u kull stat membru jorganizzaw avvenimenti biex jiċċelebraw il-ħiliet vokazzjonali, jagħtu viżibilità lill-kisbiet tal-VET, u jippromwovu wkoll il-VET b’mod ġenerali fost il-pubbliku ġenerali. Din is-sena hija kemxejn differenti u se tkun ibbażata aktar fuq il-midja soċjali u b’aktar enfasi fuq kampanji promozzjonali aktar milli avvenimenti ta’ ġbir tradizzjonali.”

Il-Ministru Bonnici rrimarka li din hija l-ewwel darba li dawn il-premjijiet qed jiġu organizzati f’Malta. “Dawn,” qal Dr Bonnici, “jirriflettu l-premjijiet ta’ Eċċellenza fil-VET li huma organizzati fuq livell Ewropew kull sena. Il-premjati Maltin jistgħu eventwalment jiġu nominati għall-premjijiet Ewropej. Inħeġġeġ lil dawk kollha interessati biex jibagħtu n-nomini tagħhom.”

Tliet kategoriji għall-2020 se jingħataw din is-sena. Dawn il-kategoriji huma maħsuba biex jiċċelebraw l-esperjenza tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

- VET/Applied Student Award - Dan il-premju huwa maħsub biex jidentifika student li bħalissa qed isegwi kwalunkwe programm ta’ studji VET, li eċċella matul l-istudji tiegħu jew tagħha. L-għan huwa li tenfasizza, tivvalorizza u tagħmel l-istudenti viżibbli b’xogħol u prestazzjoni pendenti matul is-sena akkademika 2019-2020.

- VET/Applied Lecturer/Teacher/Trainer Award - Dan il-premju huwa maħsub biex jidentifika għalliem/lettur tal-VET li eċċella fit-titjib tal-esperjenza tat-tagħlim tal-VET jew li kkontribwixxa għal approċċi innovattivi għat-tagħlim tal-VET. L-għan ta’ dan il-premju huwa wkoll li jirrikonoxxi l-isforzi u l-inizjattivi meħuda fit-tagħlim ta’ suġġetti tal-VET, b’mod partikolari fil-kuntest tal-pandemija COVID-19.

- Premju għat-Taħriġ fuq ix-Xogħol - L-għan ta’ dan il-premju huwa li jivvalorizza prattiki tajbin ta’ tagħlim professjonali fl-intrapriżi għall-impjegati rispettivi tagħhom fl-2019. Dan il-premju jinkludi kwalunkwe tip ta’ taħriġ intern u estern, ibbażat fuq l-għarfien jew prattiku organizzat minn min iħaddem, inkluż online, fuq il-post tax-xogħol, imħallat, ibbażat fil-klassi, eċċ, inkluż ukoll taħriġ mhux akkreditat.

Informazzjoni addizzjonali dwar kull premju, l-eliġibilità u l-kriterji tal-għażla jistgħu jitniżżlu minn https://education.gov.mt/en/refernet/Pages/VET-Awards.aspx.

In-nominazzjonijiet huma aċċettati fuq il-formola tal-applikazzjoni uffiċjali, iffirmata u mibgħuta lil mveta.mede@gov.mt.

L-iskadenza għan-nomini hija l-20 ta’ Novembru 2020.



4 views0 comments
  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436