Sal-llum il-kanċer għadu waħda mill-kawżi ewlenin ta’ mwiet fil-pajjiżi żviluppati.
Agent NovoBio huwa proġett iffinanzjat mill-programm FUSION fi ħdan il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST). Dan il-proġett qed ilaqqa’ akkademiċi flimkien mal-industrija privata biex jistudjaw l-użu ta’ diversi aġenti bioattivi estratti minn pjanti endemiċi Maltin għal trattamenti potenzjali ġodda kontra l-lukimja.
Fi żjara li għamel fil-laboratorji fejn qed issir ir-riċerka NovoBio, il-Ministru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l- koordinazzjoni tal-iStrateġija għal wara l-COVID-19, Dr Owen Bonnici spjega kif akkademiċi Maltin mid-Dipartiment tal-Fiżjoloġija u l-Biokimika (Centre of Molecular Medicine and Biobanking) u d-Dipartiment tal-Anatomija fi ħdan il-Fakulta` tal-Mediċina ingħaqdu ma’ Għajn Rasul Co. Ltd bħala sieħeb fin-negozju biex jistudjaw kif estratti minn pjanti endemiċi Maltin jistgħu jgħinu fit-trattament tal-kanċer.
Il- Ministru Bonnici faħħar ix-xogħol imprezzabbli ta’ dan it-tim Malti li qed jaħdem fuq dan il-proġett li twieled bil-għan li jiżviluppa t-teknoloġija, l-għarfien u l-ħiliet esperti meħtieġa biex tiżdied l-estrazzjoni tal- aġenti bioattivi li jista’ jkollhom potenzjal importanti ħafna fil-kura tas-saħħa.
"Permezz ta’ dan il-proġett qed jiġu studjati mudelli differenti ta’ kif jistgħu jiġu estratti l-aġenti bioattivi mill-pjanti waqt li jsiru diversi testijiet biex tiġi stabbilita s-sigurta` tagħhom bil-għan li toħloq prodott għall-kummerċjalizzazzjoni lokali u internazzjonali. Qed isiru wkoll studji u testijiet dwar l-attivita`tal-aġenti bioattivi fuq il-linji taċ-ċelloli tal-kanċer tas-sider u tal-musrana l-kbira biex tiġi ddeterminata l-effikaċja ta’ dawn l-aġenti fuq tipi ta’ kanċer differenti," spjega l-Ministru Bonnici.
Min-naħa tagħha l-koordinattriċi ta’ dan il-proġett Dr. Marion Zammit Mangion qalet li f’konformita mal-għanijiet tal-programm MCST FUSION, Agent NovoBio qed ikompli jistimula l-kollaborazzjoni pubblika-privata u l-investiment fil-Bijoteknoloġija, waqt li jżid u jifrex l-għarfien xjentifiku f’dan is-settur filwaqt li jinkoraġġixxi aktar impenn tal-komunitajiet xjentifiċi lokali u internazzjonali.
B'kollox dan il-proġett ingħata finanzjament ta' €150,000.
Comments