top of page

Soluzzjonijiet fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli minn riċerkaturi Maltin



Potenzjal kbir ta’ kommerċjalizzazzjoni anke barra minn pajjiżna

Bħalissa qed nisimgħu ħafna dwar l-importanza tas-sostenibbilta’ f’dak kollu li nagħmlu jew li nikkonsmaw. Is-sostenibbilta’ tfisser li meta nsibu soluzzjoni, din is-soluzzjoni mhux biss taqdina fil-bżonnijiet li għandna llum, issa wkoll li tagħmel dan, bla ma tikkomprometti l-possibiltajiet tal-ġenerazzjonijiet tal-futur.


L-Enerġija Sostenibbli


Il-kunċett ta’ sostenibbilta’ ssemma għall-ewwel darba waqt konferenza tal-Ġnus Magħquda dwar l-ambjent u l-iżvilupp lura fl-1972. Dak iż-żmien, waqt dik il-konferenza ġewwa l-iSvezja ġew diskussi għall-ewwel darba kwistjonijet ambjentali marbuta mal-iżvilupp f’ċerti pajjiżi, u n-nuqqas ta’ żvilupp f’oħrajn. Id-dikjarazzjoni marbuta ma’ dik il-konferenza tat prijorita’ lill-ambjent u minn hemm beda d-djalogu bejn il-pajjiżi industrijali u dawk li qed jiżviluppaw, djalogu li beda jagħraf ir-rabta bejn it-tkabbir ekonomiku u t-tniġġis tal-arja, tal-baħar u l-konsegwenzi li dan jista’ jkollu fuq il-benesseri tan-nies.


Ma hemmx dubju li l-kompromess bejn it-tkabbir ekonomiku li huwa kruċjali għall-kwalita’ tal-ħajja, u l-ambjent li jospitana u li lkoll niddependu minnu huwa essenzjali. Dan il-kompromess nistgħu nsibuh anke billi nużaw dejjem iktar sorsi ta’ enerġija sostenibbli.

Waħda mir-raġunijiet ewlenin għalxiex id-dinja għandha taqleb għal sorsi ta’ enerġija rinovabbli jew sostenibbli, hija li hemm bżonn nindirizzaw kemm jista’ jkun malajr l-emerġenza tat-tibdil fil-klima. Enerġija sostenibbli bħalma hi dik solari ma tipproduċi l-ebda emissjonijiet u allura tiggarantixxi kwalita’ ta’ arja aħjar għalina u għal uliedna. Apparti l-problemi devastanti li qed joħloq it-tibdil drastiku fil-klima madwar id-dinja, irridu nżommu f’moħħna li skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, 4 miljun ruħ minn madwar id-dinja jitilfu ħajjithom minħabba tniġġis fl-arja.


It-tniġġis fl-arja fil-fatt jista’ jkun relatat ma’ mard tal-qalb u tal-pulmun, cancer u anke’ puplesija. Importanti li ma nimmaġinawx li din hija xi problema ta’ xi pajjiżi ‘l bogħod li ma tolqotna bl-ebda mod. Fil-fatt madwar 90% tal-popolazzjoni tad-dinja jgħixu f’postijiet fejn il-livell tat-tniġġis fl-arja huwa ogħla minn dak aċċettabbli skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.


L-Istitut tal-Enerġija Sostenibbli


Ftit tal-jiem ilu l-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Owen Bonnici għamel żjara ġewwa l-Istitut tal-Enerġija Sostenibbli. Għalkemm dan l-Istitut jagħmel parti mill-Universita’ ta’ Malta, dan jinsab f’Marsaxlokk. Hemmhekk, riċerkaturi Maltin jaħdmu kontinwament biex isibu soluzzjonijiet ġodda li jutilizzaw l-enerġija sostenibbli.


Pannelli solari iktar adattati għall-bini Malti


Aħna tkellimna mal-Ministru dwar proġett ta’ riċerka bl-isem ‘Medsolar’, li għaddej propju f’dan l-Istitut b’kollaborazzjoni mal-kumpanija privata EMPAV Engineering Ltd. Il-Ministru qalilna li tim ta' riċerkaturi bbażati f’Malta mmexxija mill-Prof Mule’ Stagno, flimkien ma' kumpanija Maltija ikkollaboraw sabiex ħolqu d-disinn u l-iżvilupp ta'pannelli solari innovattivi iddisinjati speċifikament għal bjut ċatti, bħal dawk misjuba f'Malta u f'ħafna pajjiżi Mediterranjioħra.


Il-Ministru Owen Bonnici faħħar din il-kollaborazzjoni għall-kontribut tagħha lejn enerġija aktar nadifa u sostenibbli. "Dan ix-xogħol li qed isir minn dawn ir-riċerkaturi huwa ta' valur partikolarment importanti, peress li mhux biss għandu potenzjal għall-kummerċjalizzazzjoni internazzjonali, iżda jista' jgħin ukoll biex pajjiżna jersaq eqreb lejn il-miri tal-enerġija sostenibbli tiegħu," qal il-Ministru. "Pannelli solari iżgħar u aktar effiċjenti jfissru li l-enerġija nadifa se tkun aċċessibbli għal dawk li m'għandhomx l-ispazju għall-pannelli tradizzjonali li mdorrijin naraw fuq il-bjut, li huma ħafna aktar goffi," kompla Dr Bonnici. Huwa qal li "is-sistemi fotovoltajċi fuq il-bjut se jkunu l-mezz primarju biex pajjiżna jinvesti iktar f’enerġija rinovabbli".


Il-Ministru Bonnici kompla jispjegalna dwar l-impatt li jista’ jkollu dan il-proġett ta’ riċerka. “Fil-verita,” qalilna l-Ministru, “l-installazzjonijiet fotovoltajċi ilhom hemm għal żmien twil, iżda qabdu jsiru popolari f’pajjiżna biss f'dawn l-aħħar tmien snin, meta bdiet tinħass aktar l-urġenza u l-bżonn li nsibu riżorsi ta’ enerġija aktar sostenibbli. Kif wieħed jista' jimmaġina, l-industrija lokali adattat dak li kien għaddej f'partijiet oħra tad-dinja, l-aktar l-Ewropa tat-Tramuntana, u applikatu għal pajjiżna, anke’ jekk il-bini tagħna huwa differenti ħafna.”


"Dik li qed jipproponu dawn ir-riċerkaturi Maltin hija sistema fotovoltajka, li flok tiġi adottata minn barra l-pajjiż, ġiet imfassla speċifikament għall-bini tagħna bis-soqfa u bjut ċatti. Din is-soluzzjoni mhux biss se tipprovdi l-istess benefiċċju bi spiża simili għas-sistemi attwali, iżda se tkun aktar faċli biex wieħed jinstallaha. L-ikbar benefiċċju tas-sistema ovvjament huwa li wieħed jiffranka ħafna enerġija u għaldaqstant se jiffranka l-flus waqt li jgħin billi juża l-enerġija tax-xemx li hija ċertament sostenibbli,” kompla l-Ministru.

Il-Ministru Bonnici spjegalna li din is-soluzzjoni se tkun perfettament adattata mhux biss għad-djar Maltin, iżda wkoll kull fejn hemm kostruzzjoni simili, bħan-Nofsinhar tal-Mediterran, il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq, għalhekk din is-sistema għandha potenzjal kbir ta’ kummerċjalizzazzjoni kemm lokalment u kemm internazzjonalment.


L-importanza tal-investiment fir-riċerka f’pajjiżna


Il-Ministru saħaq għal darboħra dwar l-importanza tar-riċerka f’pajjiżna. “Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma l-pilastri li fuqhom irridu nibnu l-futur ekonomiku ta’ pajjiżna u l-benesseri taċ-ċittadini tagħna. Permezz tar-riċerka pajjiżna jrid ikompli jimxi ‘l quddiem u jsib soluzzjonijiet ġodda li jaqdu l-bżonnijiet tas-soċjeta’ skont kif jinbidlu maż-żmien.”

Dan il-proġett seta’ jsir bis-saħħa ta’ investiment ta' €195,000 mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (The R&I FUSION Programme). “It-talent u l-impenn tar-riċerkaturi Maltin ikompli jinkoraġġina ninvestu fix-xjenzi u fir-riċerka, iktar u iktar meta naraw riżultati bħal dawn li nafu li se jkunu ta’ benefiċċju li se tgawdi minnu s-soċjeta’ kollha, fil-preżent u iktar u iktar fil-futur,” żied jgħid il-Ministru Bonnici.


Il-ħolqien ta’ Ministeru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni huwa fih innifsu xhieda tal-importanza li l-Gvern qed jagħti lil dan il-qasam f’pajjiżna. Waqt li forsi huwa qasam relattivament ġdid, qed narawh jieħu l-ħajja u jikber minn jum għall-ieħor, anke’ permezz ta’ strutturi u skemi għar-riċerka li l-Gvern qed joffri sabiex jagħti l-opportunita’ lir-riċerkaturi bbażati f’Malta biex iħaddmu t-talent tagħhom u jkomplu jmexxu ‘l quddiem isem Malta f’dan il-qasam.

“Il-Gvern huwa kommess li jibqa’ jinvesti fix-xjenzi u fir-riċerka u se jkompli jaħdem anke’ biex aktar żgħażagħ jersqu lejn dawn l-oqsma u jitħajru jaqbdu karriera fis-suġġetti STEM, fejn illum pajjiżna qed joffri opportunitajiet kbar. Irridu nħajru wkoll lis-settur privat biex ikompli jagħraf il-valur tar-riċerka f’pajjiżna u jkompli wkoll jinvesti f’soluzzjonijiet ġodda,” saħaq il-Ministru Bonnici.


Huwa qal li l-Gvern hu kommess li f’Malta jkollna ekosistema robusta ta’ innovazzjoni.




Comments


bottom of page