Ma nemminx li qed nitolbu ħafna meta ngħidu li ċertu mentalitajiet li misshom ilhom li spiċċaw għandhom jiġu eradikati darba għal dejjem minnufih
Fil-25 ta’ Novembru kull sena jingħataw bidu s-sittax-il ġurnata ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Din id-drawwa bdiet fl-1991 u allura din is-sena tiċċelebra t-tletin sena tagħha. Madankollu din it-taqbida ilha sejra ħafna iktar, u ċertament mhix limitata għal sittax-il ġurnata fis-sena. Għal ħafna, il-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru huma sfida ta’ kuljum.
Il-vjolenza domestika mhux kollha tidher
Meta nsemmu din it-tip ta’ vjolenza, ħafna drabi naħsbu mill-ewwel fin-nisa li jesperjenzaw vjolenza fiżika. Jiġi f’moħħna swat u tbenġil jew il-vjolenza sesswali. Ftit li xejn naħsbu li l-vjolenza domestika tista’ tkun ukoll vjolenza bil-kliem, tgħajjir, thedded, iżolament mill-kumplament tal-ħbieb jew tal-familja u ħafna iktar. Li hu żgur hu li wieħed mill-partijiet jeżerċita poter u pussess fuq il-parti l-oħra, b’mod li ġurnata wara l-oħra jispiċċa jkissirha. Din it-tip ta’ vjolenza ħafna drabi drabi ma tidhirx iżda xorta għandha konsegwenzi koroh ħafna fuq il-vittmi u fuq ta’ madwarhom.
Ċiklu vizzjuż
Tkellimna dwar dan kollu mal-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici li qalilna mill-ewwel li ħafna drabi l-vittma diretta tal-vjolenza ma tkunx l-unika waħda li ssofri l-konsegwenzi tal-abbuż. Jekk ikun tfal li jesperjenzaw l-abbuż fuq wieħed mill-ġenituri, dawn se jbatu wkoll. “Jekk tfal jitilgħu f’ambjent fejn l-abbuż huwa xi ħaġa ta’ kuljum, se jaħsbu li dak huwa l-mod normali kif wieħed jgħix u jirrelata ma’ tal-familja u ma’ ta’ madwaru. Jekk tifla tara lil ommha oqgħod għall-abbuż, se taħseb li hekk għandha tiġi trattata mara u allura anke’ hi se tittollera l-istess aġir tossiku fir-relazzjonijiet futuri tagħha meta tikber,” qalilna l-Ministru Bonnici.
“B’hekk imbagħad naraw li li din it-tip ta’ vjolenza ssir ċiklu vizzjuż,” kompla l-Ministru Bonnici, “li jsir dejjem iktar diffiċli li wieħed jinqala’ minnu. Għalhekk il-kampanja tas-16-il jum ta’ attiviżmu għal din is-sena qed tiffoka fuq it-tema ‘Il-vuċi tiegħek tista’ teħilsek’. Ma nistgħux nippermettu li dan l-aġir abbużiv jibqa’ jitqies bħala tabu’ li ħadd ma jrid jitkellem fuqu. Importanti li nagħmlu kuraġġ lill-vittmi jiftħu qalbhom u jfittxu l-għajnuna. B’hekk biss jistgħu jwaqqfu dan iċ-ciklu vizzjuż t’abbuż u vjolenza u jeħilsu lilhom infushom u anke’ ‘l uliedhom fejn hemm l-ulied.”
Hawnhekk huwa rringrazzja l-attiviżmu ta’ Dr Lydia Abela u ta’ diversi Ministri oħra li verament jagħmel differenzza kbira.
Għaliex jibqgħu ma jitkellmux
Staqsejna ‘l Ministru għaliex jaħseb li wara tant kampanji t’għarfien dwar l-għajnuna li teżisti, għad baqa’ tant min jaċċetta l-vjolenza u jibqa’ ma jitkellimx. “Ta’ min jistaqsi wkoll, għaliex wara tant edukazzjoni aċċessibbli għal kulħadd, għad baqa’ xorta min juża l-vjolenza u għaliex wara tant żmien naraw b’mod ċar li l-ġeneru ma jiddeterminax il-valur tal-persuna, xorta għad baqa’ min iħares lejn ġeneru jew ieħor bħala inferjuri,” weġibna l-Ministru.
“Irridu nifhmu l-ewwel ħaġa t-tifsira ta’ vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru,”kompla l-Ministru, “Hawnhekk mhux qed nirreferu għal tilwim jew konflitt normali ta’ bejn żewġ adulti ndaqs. Il-vjolenza domestika tirreferi għal meta waħda mill-partijiet teżerċita pussess u poter fuq il-parti l-oħra b’mod sproporzjonat, b’mod li jkissirha moralment, jiżolaha mill-bqija tad-dinja u jikkontrollaha. B’dan il-mod, ħafna drabi l-vittma tispiċċa tħossha dejjem aktar dipendenti fuq min qed jabbużaha, u allura dejjem tħossha iktar inferjuri u tikber fiha l-biża’ minn dak li jista’ jiġri jekk tirreaġixxi. Barra minn hekk, wieħed irid iqis li din it-tip ta’ vjolenza ssir fl-iktar post fejn wieħed suppost iħossu komdu u sikur, minn dawk li l-aktar maħbubin mill-istess vittma.”
Ix-xogħol tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru
Hawnhekk staqsejna ‘l Ministru x’qed isir biex tinqered darba għal dejjem din it-tip ta’ vjolenza f’pajjiżna. Fil-fatt, il-Ministru Bonnici bħalissa huwa risponsabbli mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru, li ilha tagħmel xogħol siewi ħafna mal-vittmi tal-vjolenza domestika għal snin twal. Din il-Kummissjoni fil-fatt tisħaq ħafna fuq il-prevenzjoni tal-abbuż permezz ta’ kampanji edukattivi dwar relazzjonijiet sani u dwar is-sinjali ta’ vjolenza domestika. Sadattant qiegħda wkoll dejjem tespandi s-servizzi tagħha biex lil min ikun għaddej mill-vjolenza domestika. Il-Kummissjoni taħdem kontinwament id f’id ma’ diversi Ministeri sabiex iżżid l-għarfien u taċċerta ruħha li s-servizzi t’għajnuna jkunu aċċessibbli għal kulħadd.
“Fost il-ħafna xogħol li qed tagħmel din il-Kummissjoni, dalaħħar daħlet ukoll għal ftehim mal-Universita’ ta’ Malta sabiex isir studju estensiv dwar il-konsegwenzi tal-vjolenza domestika fuq it-tfal li jesperjenzawha. Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll mal-awturi tal-vjolenza domestika, għax huwa kruċjali li nibdew nifhmu dan l-aġir u r-raġunijiet li hemm warajh, biex inkunu nistgħu nwaqqfuh,” qalilna l-Ministru Bonnici.
“Inizzjattiva oħra li hija partikolarment għal qalbi, hija dik li għadna kif nedejna din il-ġimgħa. Fil-klassijiet tal-għaxar sena fl-iskejjel sekondarji, se jinbeda l-programm edukattiv ‘Safe Dates’. Dan il-programm għandu l-għan li jgħallem lit-tfal dwar kif iżommu relazzjonijiet sani u dwar is-sinjali li jistgħu jindikaw li relazzjoni hija jew tista’ ssir abbużiva. Nemmnu li permezz tat-tagħlim nistgħu naslu biex ikollna ġenerazzjoni aktar konxja ta’ x’inhu aċċettabbli f’relazzjoni intima,” spjegalna l-Ministru Bonnici.
Soċjeta’ li tagħti kas
Apparti x-xogħol li qed isir kontinwament mill-Gvern u mill-organizzazzjonijiet ma’ dawk li esperjenzaw b’xi mod il-vjolenza domestika, Dr Bonnici sostna li din mhix sfida li l-Gvern jew xi entita tista’ tirbaħ waħedha. Qalilna, “Din hi sfida li trid tiġġildilha s-soċjeta’ kollha kemm hi ta’ kuljum, permezz tal-valuri u l-azzjonijiet tagħna. Tajjeb li nkomplu nedukaw u importanti li nkomplu nħeġġu lill-vittmi jużaw il-vuċi tagħhom, għax tassew tista’ teħlishom, imma huwa kruċjali wkoll li jkollna soċjeta’ li tkun magħquda fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Irridu soċjeta’ li taf tisma’ l-vuċi ta’ dawk li huma vulnerabbli u tagħti kashom, bla ma tipprova tiġġudika jew tiġġustifika. Iktar u iktar qatt m’għandha teħel il-vittma. Irridu nemmnu b’konvinzjoni sħiħa li m’hemm l-ebda lok għall-vjolenza, fl-ebda sitwazzjoni.”
Il-Ministru Bonnici kompla jgħidilna li għalkemm ħafna vittmi jafu li teżisti l-għajnuna, ikun diffiċli għalihom isibu l-kuraġġ biex jiftħu qalbhom jew jirrapurtaw. Ħafna minnhom jispiċċaw jibdew jemmnu li ladarba nqabdu fix-xibka tal-abbuż, issa weħlu sentenza hemm għal għomorhom. Importanti li s-soċjeta’ kollha tingħaqad ma’ dawn il-vittmi u tkun ta’ kuraġġ u ta’ faraġ għalihom, tgħinhom ifittxu l-għajnuna u tieqaf magħhom u toffrilhom is-sapport kollu li hemm bżonn meta jfittxuha, sakemm isibu saqajhom u jerġgħu jiksbu ħajjithom lura.
Comments