• Team Owen Bonnici

Screening bikri fuq tfal illi jistgħu jiżviluppaw problemi intellettwali u fiżiċi


L-Erbgħa filgħodu kien issiġillat Memorandum ta’ Ftehim illi l-għan ewlieni tiegħu huwa li titfassal strateġija ta’ screening tat-tfal sabiex sa’ minn etajiet bikrija jiġu identifikati u jintgħarfu diffikultajiet. Dan  kemm fl-iżvilupp fiżiku kif ukoll dak intellettwali u b’hekk ikunu jistgħu jittieħdu l-passi preventivi kollha li jkun hemm bżonn għall-aħjar żvilupp tat-tfal.

Din hija waħda mill-proposti tal-manifest elettorali tal-Gvern, u li permezz ta’ ħidma inter-ministerjali bejn il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, il-Ministeru għas-Saħħa, flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, tingħata għajnuna fl-immedjat lil tfal li jistgħu jesebixxu diffikultajiet personali. 

Dan il-ftehim se jwassal sabiex tinħoloq strateġija nazzjonali, biex tgħin sabiex jiġu identifikati servizzi ta’ screening għal tfal tat-twelid sas-sittax-il sena. L-għan huwa li jintgħarfu sfidi fiżiċi, intellettwali, psikosoċjali, u edukattivi, fost oħrajn.

Wara li jkunu identifikati dawn l-isfidi, ikunu implimentati interventi skont l-esiġenzi tat-tfal fil-bżonn tal-għajnuna. Din l-EMP se tkun qed titmexxa mill-Aġenzija Appoġġ, b’kooperazzjoni mal-entitajiet li jaqgħu taħt il-minsiteri rispettivi l-oħra.

Il-Ministru Michael Falzon qal li din il-kooperazzjoni, hija pass ieħor importanti fejn tidħol għajnuna għat-tfal minn etajiet bikrija, dan flimkien mal-politika olistika tal-gvern li qed tagħmel lit-tfal prijorità fuq kollox, permezz ta’ riformi kontinwi speċjalment fejn jidħlu tfal vulnerabbli u dawk li jinsabu taħt ordni ta’ protezzjoni.

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon stqarr li l-ministeru diġà wettaq aktar minn 80% tal-manifest elettorali, xhieda ċara tax-xogħol li qed jitwettaq f’dan il-qasam. Huwa fakkar ukoll fl-impenn li sar sabiex aktar  persuni b’diżabilità jiġu inklużi fid-dinja tax-xogħol, speċjalment dawk żgħażagħ.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici fakkar li s-settur edukattiv f’Malta dejjem kien minn ta’ quddiem biex jara li kull tifel u tifla tingħatalhom l-istess opportunità sabiex ikunu jistgħu jgawdu mill-iktar tagħlim xieraq. Huwa qal li, “bis-saħħa ta’ dan l-MOU se naraw li t-tfal intuhom servizz olistiku kif ukoll ikun hemm aktar sinerġija bejn l-oqsma tal-edukazzjoni, tas-saħħa u servizzi soċjali.”

“Dan l-MOU se jservi biex it-tfal jibbenefikaw minn servizzi ta’ assessjar u riferti lejn is-servizzi mhux biss mediċi, iżda wkoll fil-qasam edukattiv kif ukoll dak soċjali. Dan huwa pass importanti ħafna li fl-aħħar mill-aħħar permezz tiegħu se nkomplu nsaħħu u ntejbu s-servizz edukattiv f’pajjiżna”, żied jgħid il-Ministru Bonnici.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis qal li din l-istrateġija hija turija ċara ta’ kemm il-gvern huwa kommess li jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità. Bis-saħħa ta’ din l-istrateġija fejn se jkun hemm anki Operation Unit fi ħdan l-Aġenzija Sapport, se jibda jsir screening tat-tfal sabiex jintgħarfu kemm jista’ jkun kmieni d-diffikultajiet kemm fl-iżvilupp fiżiċi u anki intellettwali li jista’ jkun hemm, bil-għan li jsir dak kollu possibbli għall-aħjar żvilupp ta’ dawn it-tfal. Is-segretarju parlamentari kompla jgħid li permezz ta’ miżuri bħal dawn il-gvern se jkun qed jibqa’ jiżgura li l-persuni b’diżabilità jkollhom kwalità ta’ ħajja dejjem aħjar, li s-servizzi offruti lilhom ikomplu jitjiebu u li jiġu eliminati darba għal dejjem il-barrieri għall-aċċessibilità li dawn il-persuni għadhom qed jiffaċċjaw.



  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo