• Team Owen Bonnici

Qrib l-Edukazzjoni u x-Xogħol



Il-Ġimgħa bdejt sensiela ta’ żjarat fl-iskejjel. Bdejt propju mill-iskola primarja ta’ Birżebbuġa li tagħmel parti mill-Kulleġġ ta’ San Benedittu. Dawn iż-żjarat qed inqishom importanti ħafna, għaliex għandi għan li nisma' u nkun sensittiv aktar dwar min ihaddem is-sistema edukattiva tagħna biex inkun nista’ nressaq ‘il quddiem l-avvanzi neċessarji li hemm bżonn ħalli tiġi rfinuta s-sistema għall-benefiċċju tal-istudenti u l-edukaturi.


Waqt iż-żjara rajt b’għajnejja l-kunċetti tal-flexible seating classroom, il-language hub classroom u n-nurture room, li hija preżenti f’bosta skejjel primarji. F’kull kulleġġ f’pajjiżna, wieħed isib language hub classroom, li sservi bħala punt fejn l-istudenti li jsibu diffikultà fl-Ingliż u l-Malti, jitgħallmu l-bażi tagħhom, filwaqt li n-nurture room tintuża għall-appoġġ emozzjonali tal-istudenti.


Ħadt gost nara mill-qrib dak li toffri s-sistema edukattiva tagħna f’dawn l-oqsma għaliex irrid insaħħaħ strutturi li qegħdin hemm biex jgħinu lil dawk li jsibu diffikultajiet. Għalhekk stqarrejt li waħda mill-prijoritajiet tiegħi bħala ministru responsabbli mill-edukazzjoni se tkun li nara li tfal u zgħażagħ li soċjalment jaffaċjaw sfidi kbar, jingħataw is-sapport kollu meħtieġ biex jibqgħu fis-sistema edukattiva. Irrid nara li iktar tfal u zgħażagħ imorru aħjar fl-iskola u fejn hemm nuqqasijiet fis-sistema, dawn iridu jissewwew, fejn hemm studenti tajbin, dawn ikunu mħeġġa biex jirnexxu iktar u iktar.


Waqt din iż-żjara, u kif se nagħmel fiż-żjarat li se nagħmel, iltqajt mal-edukaturi u l-ħaddiema tal-iskola, kif ukoll mal-istudenti, u wkoll laqgħa mal-kap tal-iskola. Dan ukoll se jkun punt importanti fil-ħidma tiegħi f’dan is-settur. Għalhekk għidt li se nimpenja ruħi biex nara lil dan is-settur jikber u jissaħħaħ, għall-ġid ta’ dawk kollha li huma nvoluti – fuq quddiemnett l-istudent u l-professjonist. Irrid nisma’ lil dawk involuti dirett, dawk l-għalliema li qed ibagħtu biex ikomplu jsibu l-motivazzjoni ħalli jkomplu jgħallmu għax jemmnu li t-tekniċi mhux qed ikunu sensittivi għall-ħtigijiet tagħhom, irrid nismagħhom u ngħinhom fil-ħidma tagħhom.

Dan huwa settur importanti ferm. Fuqu hemm il-bażi tal-ġenerazzjonijiet tagħna li għada pitgħada se jmexxu pajjiżna. U huwa għalhekk li se ninmpenja ruħi li nibni u nsaħħaħ dak kollu li jiġbor fih is-settur edukattiv.


U f’dan is-settur qed naħdmu u se nkomplu naħdmu. Għax dan huwa gvern li jemmen fil-futur tat-tfal tagħna. Fil-fatt jekk tħares lejn statistika li għadha kemm ġiet ippublikata propju f’dawn il-jiem tara stampa sabiħa għas-settur edukattiv.


Ċifri maħruġa mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika jħarsu lejn l-infieq tal-gvern matul l-2018 f’diversi setturi. L-uffiċċju tal-istatistika qal li parti sostanzjali min-nefqa tal-Gvern fl-2018 marret għall-edukazzjoni sekondarja u trasport b’nefqa ta’ aktar minn €467,000,000. Huwa ta’ sodisfazzjon nara li n-nefqa fis-settur edukattiv żdiedet b’€87 miljun.


+++


Statistika oħra maħruġa mill-Eurostat li wkoll ħarġet f’dawn il-jiem turi li r-rata tal-qagħad f’Malta fix-xahar ta’ Diċembru kienet ta’ 3.4% - tnaqqis ta’ 0.2% fuq is-sena li għaddiet. Dan jirrifletti l-ħidma li saret fil-qasam tax-xogħol li minn rata ta’ qagħad rekord li kellna taħt amministrazzjoni ta’ qabel, kemm ilu fil-gvern il-Partit Laburista niżżilha għall-anqas rata ta’ qagħad f’dawn l-aħħar snin.


U la qed nitkellem dwar xogħol tajjeb li nsemmi x-xogħol tajjeb ferm li qed isir fl-MCAST. Żjara li għamilt flimkien mall-kollegi tiegħi fil-hangar tal-Lufthansa Technik, mhux biss tatni sodisfazzjon nara l-investiment kbir li qed isir f’pajjiżna, imma wkoll dak li nara sinerġija bejn kumpaniji internazzjonali, l-ħaddiema Maltin u wkoll il-qasam edukattiv tagħna.


L-okkażjoni kienet tal-ewwel Airbus A350 tal-kumpanija Lufthansa li wasal f’pajjiżna għal manutenzjoni u tiswija - li se tkun kollha kemm hi f’idejn il-ħaddiema Maltin. Dan huwa ta’ unur għalina li s-suq tax-xogħol qed jipprovdi ħaddiema ta’ kwalità u ta’ kompetenza.

Fil-fatt il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Lufthansa Technik, Marcus Montsenbacher qalilna li 85% tal-ħaddiema tal-kumpanija huma Maltin u li dawn kollha huma mħarrġa u preparati biex jaħdmu fuq ajruplani ta’ dan il-livell.


L-investiment ta’ din il-kumpanija f’Malta juri l-fiduċja li dawn il-kumpaniji għandhom fil-ħaddiem Malti u huwa għalhekk importanti li jkompli jikber it-taħriġ offrut lill-istudenti f’pajjiżna. Tajjeb li ngħid li minn 650 impjegat, wieħed minn kull ħamsa huwa student li qed jiġi mħareġ f’din il-ħidma u naraw ukoll li hemm b’kollox 500 persuna li permezz tal-ħidma bejn l-MCAST u Lufthansa Technik, li propju sabu karriera f’dan is-settur.


+++


Il-Ġimgħa flimkien mall-kollega fil-Ministeru Clifton Grima, akkumpanjajna lill-Prim Ministru Dr Robert Abela fi zjara sabiha fil-bini tal-Malta Football Association. Iltqajna mad-diriġenti u ħaddiema dedikati għall-avvanz tal-qasam sportiv.


Dan huwa settur ieħor importanti fil-ħajja tagħna. U għalhekk innotajt b’sodisfazzjon dak li għaddej f’dawn il-faċilitajiet b’ħidma ma taqta’ xejn.


+++


Fl-aġġornament li għamilt fil-parlament, tkellimt dwar is-settur edukattiv, dwar ix-xogħol tajjeb li diġà sar, dwar l-isfidi li għandna quddiemna u dwar kif nixtiequ li dan is-settur tant kruċjali għal pajjiżna mhux biss nindukrawh iżda nkomplu ntejbuh dejjem aktar.


Spjegajt li min kemm ilni nservi f’dan il-gvern kelli reponsabbiltajiet, imma nqis li din ir-responsabbiltà fdata lili, hija l-akbar waħda li qatt kelli. Dik li nindokra t-tfal, li ngħiduha kif inhi, huma l-mimmi ta’ għajnejna – tal-familji Maltin u Għawdxin.


Responsabbli wkoll mis-settur tax-xogħol. Dan huwa fil-fehma tiegħi, u perswaz li lkoll naqblu, l-aktar settur importanti għas-soċjetà wara s-saħħa u l-ulied – l-edukazzjoni.

Għall-qasam edukattiv hemm ħafna xi jsir. Sar ħafna imma rridu nkomplu nħarsu ‘l quddiem biex dejjem intejjbu.


Għandna esperjenza edukattiva tajba, rridu nagħmluha aktar tajba. Għandna studenti li qed jirnexxu, irridu iktar studenti li jirnexxu. Għandna għalliema tajbin u dedikati u nixtiequ ngħinu lill-għalliema u lill-edukaturi tagħna biex ikomplu jagħmlu ġid kbir fl-iskejjel u fil-klassijiet tagħna.


Irridu nsewwu l-‘gaps’ li hemm fis-sistema tagħna. F’dawn il-jiem li ilni responsabbli minn dan is-settur iddedikajt ħafna ħin nisma’. Smajt lill-għalliema, lill-LSEs u edukaturi u wkoll in-nies fit-triq. Is-sentiment huwa li għandna ħafna għalliema u LSCs dedikatissimi li l-ġurnata tax-xogħol tagħhom ma tispiċċax mal-qampiena finali tal-ġurnata tal-iskola, imma tkompli d-dar ukoll. Huwa għalhekk li nagħmel appell biex jikber ir-rispett lejn dawn l-edukaturi – għalliema, LSCs, kindergarten assistants, u wkoll dawk li jmexxu l-iskejjel tagħna. Dawn qed jagħtu ħafna ħin biex imexxu l-ħajja skolastika ta’ wliedna.


Fir-rwol tiegħi rrid nara li l-ħajja tal-għalliema teħfief, li ċertu piżijiet żejda li hemm fuq l-għalliema irridu naraw x’inhuma u nbiddlu fejn hemm bżonn inbiddlu. Qed ngħid dan b’referenza għat-tneħħija tal-eżamijiet ta’ nofs is-sena, deċiżjoni li naqbel magħha għaliex neħħiet ukoll pressjoni fuq it-tfal tagħna, imma rridu naraw dan il-pass kif affettwa lill-għalliema tagħna.


Għax fuq kollox irridu naraw li t-tfal tagħna jieħdu gost imorru fil-klassijiet jitgħallmu, u rridu naraw li daqstant ieħor l-għalliema jkollhom atmosfera li fiha jkomplu jieħdu gost jgħallmu.

Dan il-vjaġġ fis-settur edukattiv se nagħmluh flimkien. U se nagħmluh flimkien għax ninsab perswaz li l-għan tiegħi huwa l-istess bħal dak li għandhom l-uffiċjali f’dan is-settur u l-professjonisti – il-ġid ta’ uliedna, ta’ ulied uliedna li huma l-ġenerazzjonijiet futuri tal-għażiża Malta tagħna.

3 views
  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo