top of page

Qed jintlaqgħu applikazzjonijiet għall-korsijiet fl-arti, fil-mużika, fid-danza u fid-drama


L-iskejjel fi ħdan il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli fetħu l-applikazzjonijiet online għall-studenti ġodda għas-sena akkademika 2020-21. Is-suġġetti varji huma offruti f’livelli differenti, minn dak bażiku sa’ livell ta’ Diploma (MQF 1 – MQF 5).

Il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli għandu l-għan speċifiku li jtejjeb u jikkordina l-edukazzjoni tal-arti performattiva u viżiva f’Malta u Għawdex.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qal li, “Permezz ta’ din l-iskola, qegħdin nagħtu għażla oħra fil-vjaġġ edukattiv tal-istudenti ta’ livell sekondarju. Qegħdin nipprovdu lil artisti żgħażagħ bl-opportunità li jkomplu jimirħu fl-abbiltà artistika tagħhom b’mod li jikkonsolidaw il-livelli ta’ talent tagħhom, filwaqt li jkomplu jsaħħu l-kompetenza tagħhom fis-suġġetti akkademiċi ewlenin. It-twaqqif ta’ dan il-kulleġġ f’Novembru tal-2018 juri l-impenn tal-gvern biex ikompli jipprovdi aktar possibilitajiet għall-istudenti tagħna, f’kull stadju ta’ ħajjithom.”

Mill-Prospett provdut, wieħed jista’ jara firxa sħiħa ta’ taħriġ offrut fl-iskejjel speċjalizzati għall-edukazzjoni tal-arti viżiva u performattiva (Arti, Drama, Mużika u Żfin): https://education.gov.mt/en/Documents/MAVC%20Prospectus%202020-2021.pdf.

Il-Kap tal-Kulleġġ Victor Galea, spjega li, “Wara l-esperjenza pożittiva tas-sena akkademika li għaddiet, meta minħabba l-għeluq tal-iskejjel ħafna mit-tagħlim kellu jsir b’mod remot (online), minn din is-sena, uħud minn dawn l-iskejjel se joffru wkoll korsijiet online, fosthom dak dwar l-Apprezzament tal-Arti (Art History & Appreciation), u korsijiet oħrajn dwar l-Approċċi Kreattivi Għat-Teknika Tad-Disinn u l-Pittura (Creative Approaches to Drawing and Painting). Taħriġ ieħor li ser jingħata b’mod virtwali huma suġġetti relatati mal-istudju tat-Teatru/Drama, kif ukoll l-Istorja tal-Mużika. Huwa mifhum li dawn l-inizjattivi jagħtu opportunità, speċjalment lill-istudenti minn 16-il sena ’l fuq, sabiex isegwu taħriġ minn djarhom f’ħinijiet komdi għalihom.”

Dawk interessati, jkunu jistgħu japplikaw minn fuq is-sit http://art.mikielantonvassallicollege.gov.mt/.

Huwa mistenni li t-tagħlim fl-edukazzjoni viżiva u performattiva jibda fl-ewwel ta’ Ottubru fl-iskejjel rispettivi ta’ Malta u Għawdex; fl-Iskola tal-Mużika fil-Ħamrun, l-Iskola tal-Arti fil-Belt Valletta, l-Iskola tad-Drama u Żfin f’Blata l-Bajda u fl-Iskola tal-Arti Viżiva u Performattiva fix-Xewkija, Għawdex.

Comments


bottom of page