Proprjetà pubblika fil-Qrendi mogħtija b’ċens temporanju lis-Soċjetà Filarmonika Lourdes sabiex tintuża għal skopijiet marbuta maż-żamma tal-festa
- 6 days ago
- 1 min read

Proprjetà pubblika li hija taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet ġiet trasferita b’titolu ta’ enfitewsi temporanja għal ħamsin sena lis-Soċjetà Filarmonika Madonna ta' Lourdes tal-Qrendi sabiex tiġi użata bħala mħażen fejn jistgħu jerfgħu l-armar relatati mal-festa li tiġi ċelebrata kull sena fl-istess lokalità. Dan is-sit jinsab fi Triq Nazzareno Mifsud kantuniera ma’ Triq Guzeppi D’Arena fil-Qrendi.
Permezz ta’ dan it-trasferiment se tissaħħaħ il-ħidma volontarja tas-soċjetà u tagħti spazju adegwat għall-ħażna tal-armar u l-materjal tal-festa. B'dan il-mod il-Gvern qed ikompli jappoġġja ż-żamma tal-festi Maltin, li kisbu wkoll ir-rikonoxximent ta' Wirt Intanġibbli tal-UNESCO.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li dan il-proġett huwa pass ieħor sinifikanti mal-ħafna li diġà saru biex inħarsu dak li jagħmel lil pajjiżna uniku, jiġifieri t-tradizzjonijiet kulturali tagħna li huma parti integrali mill-identità Maltija.
Il-Ministru Bonnici saħaq li permezz ta’ investimenti bħal dawn, il-Gvern qed jagħti sostenn konkret lis-soċjetajiet mużikali sabiex ikunu jistgħu jkomplu jwettqu l-ħidma tagħhom b’mod aktar organizzat u sostenibbli. Żied jgħid li meta nappoġġjaw dawn l-għaqdiet, inkunu qed ninvestu fil-wirt kulturali tagħna u nassiguraw li dawn it-tradizzjonijiet jibqgħu b’saħħithom.
It-trasferiment ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella u Gordon Sacco fil-kapaċità tiegħu bħala Segretarju.







Comments