• Team Owen Bonnici

Proġett ta’ sensiela ta’ kunċerti mużikali bl-isem ta’ ‘Żunżana’



l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima nedew proġett ta’ sensiela ta’ kunċerti mużikali bl-isem ta’ ‘Żunżana’, li se jittellgħu minn mużiċisti żgħażagħ.


‘Żunżana’ huwa proġett konġunt bejn ħames soċjetajiet mużikali u l-iskejjel mużikali rispettivi tagħhom. Il-proġett tfassal biex jgħin lill-istudenti jagħrfu aktar l-irwol u r-responsabilità tal-mużiċisti meta jkunu mqabbdin minn soċjetajiet oħra biex jagħtu s-servizz mużikali tagħhom. 


“Permezz ta’ fondi strutturati apposta, bħala Gvern aħna kommessi li nkomplu nsaħħu l-prodott kulturali lokali filwaqt li nassiguraw li jkollna pjattaforma soda għall-benefiċċju tat-talent lokali biex dan jibqa’ jikber. Dan il-proġett jissottolinea wkoll l-importanza tal-kollaborazzjoni, tagħlim, u kif permezz ta’ ħidma flimkien, inkomplu ntejbu u nsaħħu t-talenti tagħna”, qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.


Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima saħaq li permezz ta’ dan il-proġett kull student qed jingħata sensiela ta’ opportunitajiet biex iwitti t-triq mużikali tiegħu u jingħata l-opportunità li jieħu sehem b’mod attiv f’ħames kunċerti b’mużika differenti, kif ukoll li jdoqq ma’ studenti oħra minn skejjel mużikali differenti tal-istess livell. 


“Proġetti bħal dawn jgħinu b’mod ħolistiku lill-għaqdiet mużikali biex jippromwovu l-iskola mużikali tagħhom b’mod aktar attraenti u fl-istess waqt ikunu qegħdin jagħtu opportunità kbira lil kull student biex jimmatura mużikalment”, qal is-Segretarju Parlamentari Grima.


‘Żunżana’ huwa proġett b’investiment ta’ €10,000 li qiegħed jilħaq b’mod dirett lil 26 student mill-ħames skejjel mużikali li bdew idoqqu mal-baned rispettivi tagħhom mis-sena 2013 ‘il quddiem.


Flimkien, il-mużiċisti se jaħdmu biex itellgħu ħames kunċerti mużikali, ilkoll b’mużika differenti f’kull lokalità. ‘Iż-Żunżana Mużikali’ se jdur minn post għall-ieħor fil-lokalitajiet ta’ dawn il-ħames għaqdiet mużikali u se jiltaqa’ ma’ kulturi differenti, se jmur iċ-ċinema, se jiċċelebra Jum l-Omm, se jmur it-Teatru, kif ukoll se tittella’ Supereroj. 


Waqt dawn il-kunċerti se jkunu wkoll mistiedna mużiċisti li bdew it-tagħlim tagħhom fil-mużika, komplew jistudjaw u llum il-ġurnata x-xogħol tagħhom huwa l-mużika, iżda għadhom jagħtu s-servizz tagħhom fis-soċjetajiet.


Dan il-proġett huwa parzjalment iffinanzjat mill-Aġenzija Żgħażagħ flimkien mal-Għaqda Każini tal-Banda mill-fond ‘It-Taħrig Mużikali taż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda’. ‘Żunżana’ huwa proġett immexxi minn Għaqda Mużikali San Leonardu A.D. 1858 ta’ Ħal Kirkop flimkien mal-Għaqda Mużikali Vittorja tan-Naxxar, 12th May Band & Social Club f’Ħaż-Żebbuġ, Soċjetà Filarmonika Sagra Familja fil-Kalkara u s-Soċjetà Mużikali Santa Marija fil-Qrendi.



PR190604


  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo