Innovazzjoni fil-qasam tal-avjazzjoni b'potenzjal kbir ta' kommerċjalizzazzjoni
L-ivjaġġar bl-ajru jibqa’ wieħed mill-aktar sistemi ta’ vjaġġar sikuri, imma meta jiġri inċident, ħafna drabi r-riżultat ikun wieħed katastrofiku, partikolarment minħabba d-daqs tal-ajruplan u l-għoli li jivjaġġa fih. Meta tneħħi problemi mekkaniċi u eventwalitajiet imprevedibbli bħat-temp, għasafar jew sabotaġġ, wieħed mill-kawżi l-aktar komuni ta’ inċidenti tal-ajru huwa l-iżball uman.
Hemm studji li juru li mat-tmenin fil-mija tal-inċidenti tal-ajru huma relatati ma’ żball uman, bl-aktar komuni jkun nuqqas ta’ kontroll ta' persuni li jaħdmu f'dan il-kamp.
Wieħed irid iżomm f’moħħu li l-bdoti jieħdu għadd ta’ deċiżjonijiet importanti u jwettqu għadd kbir ta’ azzjonijiet kumplessi waqt li joperaw l-inġenji tal-ajru. Il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, jimmonitorjaw u jirregolaw l-aspetti kollha tal-ajruplani fl-arja u fir-runway. Xogħolhom hu li jidderieġu t-traffiku tal-ajru u jżommu l-ajruplani f’distanza sigura minn xulxin. Nuqqas ta’ gwida adegwata lill-piloti jew nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il-kontrolluri jista’ jkollhom konsegwenzi diżastrużi. Il-manutenzjoni tal-ajruplan hija kruċjali għax jekk il-partijiet tal-ajruplan jaħdmu ħażin jistgħu jikkawżaw kundizzjonijiet perikolużi għat-titjir.
It-Teknoloġija fil-qasam tal-avjazzjoni
Hu hawn fejn tidħol it-teknoloġija u l-innovazzjoni. Permezz tat-teknoloġija, qiegħda dejjem tonqos iktar il-probabbilta’ tal-iżball uman. M’għandniex xi ngħidu, dawn l-avvanzi jagħmlu x-xogħol iktar faċli u effiċjenti wkoll. It-teknoloġija rrivoluzzjonat l-industrija tal-avjazzjoni, u mkien aktar qawwi milli fil-qasam tas-sikurezza. Permezz tal-iżviluppi fit-teknoloġija pereżempju, ir-rata ta’ ħsarat fil-magni tal-ajruplani waqt it-titjira, naqsu minn każ wieħed f’5,000 siegħa fl-1970, għal kas wieħed biss f’kull 100,000 siegħa fl-ajru fl-2015.
Proġett ta’ riċerka Malti
Forsi ftit li xejn nafu li propju ġewwa l-Universita’ ta’ Malta, riċerkaturi Maltin ħolqu teknoloġija innovattiva li tuża l-intelliġenza artifiċjali biex tiġbor u tanalizza dejta dwar it-titjiriet b’mod li tista’ żżid l-effiċjenza u s-sikurezza tal-ajruplani u tnaqqas ukoll l-impatt tat-titjira fuq l-ambjent.
Tkellimna dwar dan il-proġett ta’ riċerka mal-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Dr Owen Bonnici. Dr Bonnici qalilna li bl-għajnuna ta' €200,000 f'fondi mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknologija (MCST), kollaborazzjoni mmexxija mill-Istitut għat-Teknoloġiji Ajruspazjali u d-Dipartiment tal-Inġinerija tal-Komunikazzjoni u tal-Kompjuter fl-Università ta' Malta, u l-imsieħba industrijali QuAero rat l-iżvilupp ta’ apparat li permezz tiegħu jiġu adottati tekniki awtomatiċi moderni biex tiġi analizzata d-dejta tat-titjiriet.
Huwa spjega li l-Monitoraġġ tad-Data tat-Titjir (FDM) jifforma parti integrali mis-sistemi tas-sikurezza fl-operazzjonijiet tat-titjir. L-użu tradizzjonali tal-FDM juża limitu sikur tal-parametri u jiskopri n-nuqqasijiet fl-ajruplan jew fl-inġenji tiegħu. Dan imbagħad iwassal għal aktar analiżi u investigazzjoni.
Huwa qal li madankollu, filwaqt li l-FDM tiġġenera ammonti kbar ta’ dejta u tipprovdi għadd kbir ta’ informazzjoni li tista’ tintuża biex ittejjeb l-operat tal-linji tal-ajru, is-sikurezza u l-effiċjenza, l-approċċ statistiku attwali mhuwiex adegwat biżżejjed. "Għalhekk, dan il-proġett jadotta tekniki ta’ dejta kbira biex janalizza b'mod komputazzjoni għal għarfien u jiżvela mudelli u xejriet fid-dejta tat-titjir," spjega Dr Bonnici.
“L-aqwa software li jeżisti bħalissa għal-monitoraġġ tad-dejta tat-titjir,” qal Dr Bonnici, “huwa bbażat fuq avvenimenti singoli. Meta avveniment jaqbeż il-limitu massimu aċċettabbli, dan jiġi mmarkat, u b’hekk tiskatta investigazzjoni mill-uffiċċju tas-sikurezza biex jidentifika l-fatturi li setgħu kkawżaw problema. Minn hemm, jittieħdu l-passi neċessarji mill-linja tal-ajru f’dan ir-rigward.”
Sistema innovattiva għall-monitoraġġ tad-dejta tat-titjir
Il-Ministru Bonnici speċifika li din is-sistema tradizzjonali jekk wieħed irid isejħilha hekk kellha rwol importanti biex tidentifika u tevalwa kwistjonijiet ta’ sikurezza iżda hija wisq impenjattiva u tiffoka dejjem fuq ajruplan wieħed.
“L-innovazzjoni SMARTFDM (Smart Flight Data Monitoring) indirizzat dawn l-isfidi billi applikat sistema ta’ monitoraġġ ta’ dejta permezz ta’ intelliġenza artifiċjali għall-mument x’ħin l-ajruplan jasal għall-inżul. Tajjeb li ngħidu li 50% tal-inċidenti tal-ajru fatali jsiru f’dan il-mument kruċjali,” kompla l-Ministru.
Il-Ministru Bonnici spjegalna li, “Tipikament, id-dejta tal-ajruplani tiġi rreġistrata matul it-titjira u mbagħad tintuża offline biex tiġi analizzata l-prestazzjoni tal-ajruplan.” SmartFDM pero tippermetti li titqabbel id-dejta minn flotta kbira ta’ ajruplani, tistabbilixxi anomaliji potenzjali fid-dejta u tittraċċaha mal-parametri tat-titjira. Din id-dejta mbagħad,” kompla Dr Bonnici, “tkun tista' tintuża biex ittejjeb l-analiżi ta' wara l-monitoraġġ, iżżid l-effiċjenza tal-operat, ittejjeb is-sikurezza, u tirriżulta f'redditi kummerċjali akbar u tnaqqis fl-impatt tal-operat fuq l-ambjent.”
Il-Ministru Bonnici qalilna li din ir-riċerka innovattiva li tmexxiet minn Dr Robert Camilleri wasslet għar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjoni għal privattiva. Huwa faħħar ix-xogħol siewi li sar mir-riċerkaturi u rringrazzja lill-MCST talli tappoġġja proġetti bħal dawn u tkompli dejjem issaħħaħ ir-riċerka u l-innovazzjoni f’Malta.
“Din ir-riċerka,” qalilna l-Ministru Bonnici, “għandha l-għan li twessa’ l-użu tat-tagħlim awtomatiku u l-intelliġenza artifiċjali fl-industrija tal-avjazzjoni u wriet biċ-ċar li dan joffri benefiċċji fil-kapaċità li jinqabdu anomaliji fl-ajruplani, jiġu investigati l-oriġini tagħhom, u b’hekk tittejjeb is-sikurezza u jittejbu l-aspetti operattivi tal-linji tal-ajru. It-tim issa jinsab fil-proċess li jiżviluppa għodda kummerċjali.”
Inkomplu nsaħħu s-settur tar-riċerka f’pajjiżna
“Il-formazzjoni ta’ konsorzji bejn is-settur pubbliku u dak privat hija kruċjali għall-konkretizzazzjoni ta’ proġetti ta’ riċerka li jwasslu għal soluzzjonijiet innovattivi, li fl-aħħar mill-aħħar se jirriżultaw fi tkabbir ekonomiku għal pajjiżna u f’ġid għall-poplu tiegħu,” qal il-Ministru. “Meta riċerkaturi akkademiċi u esperti fil-manifattura industrijali jaqsmu bejniethom l-għarfien u l-ħiliet f’kollaborazzjoni sħiħa, tista’ sseħħ innovazzjoni reali.”
Il-Ministru kompla billi qal, “Sa ftit taż-żmien ilu konna naħsbu li din it-tip ta’ riċerka ssir biss f’pajjiżi ħafna ikbar minn Malta, u forsi konna nistennew il-barranin joħorġu bis-soluzzjonijiet ġodda fil-qasam tal-avjazzjoni u l-ajrunawtika. Dan m’għadux il-kas. Ir-riċerkaturi Maltin għaddejin b’ħafna xogħol siewi fis-skiet u bla daqq tat-trombi, u qed iħabbtuha sew ma’ riċerkaturi barranin, u jagħmlu isem għal pajjiżna.”
“Din ir-riċerka,” qalilna l-Ministru Bonnici, “għandha l-għan li twessa’ l-użu tat-tagħlim awtomatiku u l-intelliġenza artifiċjali fl-industrija tal-avjazzjoni u wriet biċ-ċar li dan joffri benefiċċji fil-kapaċità li jinqabdu anomaliji fl-ajruplani, jiġu investigati l-oriġini tagħhom, u b’hekk tittejjeb is-sikurezza u jittejbu l-aspetti operattivi tal-linji tal-ajru. It-tim issa jinsab fil-proċess li jiżviluppa għodda kummerċjali.”
“Meta naraw dan it-tip ta’ riżultati minn proġetti ta’ riċerkaturi Maltin, ma jistax jonqos li nħossuna kburin bix-xogħol u bir-riżultati miksuba minnhom. Għalhekk il-Gvern jibqa’ kommess lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni u jibqa’ mpenjat li jkompli dejjem iżid l-investiment f’dan is-settur tant kruċjali għall-futur soċjali u ekonomiku ta’ pajjiżna,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Comments