• Team Owen Bonnici

Proġett ta’ €4.8 miljun għad-diġitalizzazzjoni ta’ 24,200 siegħa ta’ filmati tal-PBS



Il-PBS, li jaqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, qiegħed jinvesti €4.8 miljun, parzjalment iffinanzjati mill-Programm ta’ Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Il-proġett bl-isem ta’ ‘Tisħiħ tal-Esperjenza ta’ Turiżmu Kulturali permezz tad-Diġitalizzazzjoni’,  huwa proġett ta’ diġitalizzazzjoni, li għandu jitlesta’ sal-2021. Din hija t-tieni parti tal-proġett, li l-PBS beda fl-2014, taħt l-Assi Prijoritarji 5 Ħarsien ambjentali – ninvestu f’assi naturali u kulturali.


Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici spjega l-importanza li jġib miegħu dan il-proġett, minħabba li jestendi l-legat tal-media tagħna għall-futur. “Grazzi għal dan il-proġett, aħna qegħdin naraw il-potenzjal kollu tar-rwol informattiv u edukattiv li dan is-sors ta’ informazzjoni jġib miegħu u niżguraw li dawn il-filmati ferm importanti li jiddokumentaw l-istorja riċenti ta’ pajjiżna huma pperservati u disponibbli għall-membri tal-komunità, permezz tal-aspett interattiv ta’ dan il-proġett. Dan huwa wkoll element importanti għall-wirt nazzjonali tagħna, u l-intenzjoni tagħna hija li jkun disponibbli għal kulħadd,” stqarr Bonnici.


Bonnici kkonkluda billi qal li l-istrateġija tal-Ministeru hija li dan kollu tagħmlu aċċessibbli f’esperjenza li se tgħaqqad il-passat mal-preżent, bi ħsieb għall-futur.


B’rekord viżiv li jmur lura għas-sittinijiet, dan il-proġett ta’ diġitalizzazzjoni se jikkategorizza l-legat ta’ filmati f’erba’ kategoriji; kultura, avvenimenti, personalitajiet fl-istorja, u postijiet.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Dhalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li l-fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali qed jiffinanzja numru ta’ proġetti fil-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna li permezz tagħhom qed nagħtu futur lil passat tagħna li minnu se jgawdu il-ġenerazzjoni preżenti u dawk li ġejjin.


“Fil-ġimgħat li għaddew tkellimt fit-tul mal-Ministru Bonnici dwar wirt kulturali li hemm bżonn ninvestu fihom. Tkellimt ukoll mas-sur Louis Grech li mhux biss kien il-moħħ wara dan il-proġett iżda llum għandu sehem fin-negozjati tal-budget Ewropew. Is-sena d-dieħla se nagħlqu kapitlu ta’ fondi Ewropej 2014-2020, u b’hekk bdejna n-negozjati għall-pakkett ta’ fondi li jmiss 2021-2027 li fih il-wirt storiku Ewropew, l-identità Ewropea se tkun fuq quddiem nett tal-agenda,” qal is-Segretarju Parlamentari.


Huwa fakkar f’laqgħa li saret f’Pariġi wara t-traġedja ta’ Notre Dame fejn ministri Ewropej qablu li hemm bżonn investiment ikbar fil-kultura sabiex nippreservaw il-wirt storiku Ewropew, kif ukoll team ta’ esperti li jigwidaw il-Membri Stati għall-aħjar mod biex jagħmlu dan. “Ġenerazzjonijiet futuri ma jaħfrulniex kieku jkollna wirt bħal dan u ma nippreservawhx – wirt li kieku llum mhux qed ninvestu fihom kienu jintilfu darba għal dejjem,” qal Farrugia.

B’hekk ukoll għaddejja ħidma sabiex ufficċju apposta għall-fondi diretti li se jassisti l-benefiċjarji biex jagħmlu użu massimu minn din l-għodda Ewropea. 


L-eżekuzzjoni tal-proġett hija maqsuma f’numru ta’ fażijiet. L-ewwel fażi ġiet iffinalizzata b’tiġdid komplut tal-pjan ta’ taħt tal-HUB tal-Kreattività. Il-proġett inkluda 8 kmamar għall-editjar, il-ħolqien ta’ spazju miftuħ għall-indiċjar u kamra għas-server għall-ħażna u r-robotika. Edituri, diretturi u inputters tal-metadata bħalissa qegħdin jaħdmu mal-PBS biex jiffukaw biss fuq dan il-proġett ta’ diġitalizzazzjoni.


Huwa stmat li 19,800 siegħa ta’ materjal se jiġu diġitalizzati in-house, minħabba li l-formati bħal pellikoli tas-16mm, u-matic reels u high bands qegħdin jiġu ddiġitalizzati lil hinn minn xtutna. Dan il-proċess ta’ diġitalizzazzjoni se jiġi msegwi minn indiċjar u metadata.


Aċċess għall-materjal arkivjat se jkun disponibbli għall-pubbliku permezz ta’ arbli u plakek imqassmin mal-pajjiż, li jagħtu lill-persuni aċċess b’xejn għall-videos permezz ta’ kodiċi QR.



  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo