top of page

Pajjiż ta’ kwalità: Inkomplu nippreservaw il-wirt nazzjonali tagħna permezz ta’ 40 proġett ta’ restawr

 



Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li matul is-sena li ġejja se jkunu qed jingħataw bidu, jissoktaw u jitwettqu total ta’ 40 proġett ta’ restawr.

 

“Dan huwa programm ta’ restawr qawwi li se jkompli jsebbaħ lil pajjiżna, ikompli jippreserva l-wirt patrimonjali uniku ta’ gżiritna u fuq kollox se jrodd lill-familji Maltin u Għawdxin pajjiż ta’ kwalità. Pajjiż ta’ kwalità jingħaraf mhux biss mis-suċċess ekonomiku tiegħu iżda wkoll, u mhux l-inqas, minn kemm jindokra l-wirt patrimonjali tiegħu u l-oqsma tal-arti u l-kultura,” qal il-Ministru Bonnici. 

 

Il-konferenza tal-aħbarijiet saret f’Villa Gwardamangia, li tirrappreżenta waħda mill-40 proġett ta’ restawr li se jkunu qed isiru, f’dan il-każ bis-saħħa ta’ €10.2 miljun f’fondi Ewropej. F’din il-villa kienu residenti bejn l-1949 u l-1951, il-Prinċipessa Eliżabetta u l-Prinċep Filippu u għalhekk għandha aspett storiku mill-iktar uniku u importanti. Il-Ministru Bonnici spjega li wara li l-ministeru kien akkwista din il-villa mingħand sidien privati, issa Heritage Malta se toħroġ l-ewwel tenders għax-xogħlijiet ġewwa din id-dar.  Saħaq illi meta dan il-proġett ikun lest, din il-villa se tkun tista’ titgawda mill-poplu Malti u t-turisti li jiġu jżuruha. 

 

Il-Ministru Bonnici ħabbar proġett ieħor maġġuri li se jkun qed isir minn Heritage Malta, dak tar-restawr tal-Main Guard, fi Pjazza San Ġorg fil-Belt Valletta li għandu jitlesta sas-sena 2027. Semma wkoll ir-restawr li qed isir fil-proġett ta’ Villa Portelli, kif ukoll li se jitkompla ix-xogħol ta’ restawr fil-Mużew Marittimu biex dan jitlesta sal-2027.

 

Huwa semma wkoll xogħlijiet oħra ta’ restawr taħt it-tmexxija tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni fosthom it-tkomplija tar-restawr tal-Knisja tal-Ġiżwiti b’investiment totali ta’ €4.5 miljun, ir-restawr ta’ iktar swar fil-Kottonera, ir-restawr tat-Torri Vendome f’Marsaxlokk, ir-restawr tal-mitħna ta’ San Ġwann t’Għuxa f’Bormla u r-riabilitazzjoni tal-ex-Istazzjon tat-Tram tal-Marsa, fost oħrajn.

 

Il-Ministru Bonnici rrefera wkoll għal żewġ proġetti ta’ infrastruttura kulturali maġġuri li tlestew, dak tal-Palazz tal-Granmastru b’investiment ta’ €40 miljun ffinanzjat parzjalment minn fondi Ewropej u l-ftuħ tal-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanju ta’ Malta (il-MICAS) b’investiment ta’ €30 miljun, iffinanzjat parzjalment minn fondi Ewropej. 

 

Il-Ministru Bonnici spjega wkoll li ġie miksub finanzjament ta’ €15-il miljun minn fondi Ewropej, biex b’hekk Festivals Malta se tkun qed toħroġ fil-jiem li ġejjin l-ewwel minn żewġ tenders sabiex jibda x-xogħol fuq il-proġett tal-Culture and Arts Hub fil-Marsa, li tant hu mistenni minn diversi nies involuti fis-settur kulturali.

 

Dr Bonnici tkellem ukoll fuq żewġ proġetti oħra dak li se jara l-ħolqien ta’ ‘Sculpture Garden’ fuq in-naħa ta’ wara tal-Galleriji fi ħdan il-kumpless tal-MICAS, kif ukoll il-proġett fis-sit magħruf bħala Malex House proprjetà tal-Public Broadcasting Services Limited li se jara il-ħolqien ta’ studjo kbir u uffiċini fuq l-istudjo mgħammar b’apparat state-of-the-art.

 

Il-Ministru Bonnici rrefera wkoll għal għadd ta’ miżuri oħra tal-Budget b’rabta mal-kultura.  Fost dawn huwa semma l-parteċipazzjoni ta’ Malta għall-ewwel darba fil-Biennale prestiġġjuż ta’ Gwangju, fil-Korea ta’ Isfel liema parteċipazzjoni tirrappreżenta opportunità oħra għall-artisti lokali barra minn xtutna. Huwa rrefera wkoll għal diversi kollaborazzjonijiet li se jsaħħu l-ġid kulturali, fosthom dik bejn l-Aġenzija tal-Arti Performattiva u l-MCAST bil-għan li jiġi żviluppat is-sit f’Raħal Ġdid li jservi bħala uffiċini u studjos għaż-żeffiena u artisti oħra, u dik bejn l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u l-Malta Visual and Performing Art School biex jiġu massimizzati r-riżorsi għall-ġid tas-settur kreattiv.

 


 

 

Comments


bottom of page