• Team Owen Bonnici

Owen Bonnici | Inkomplu naħdmu b’impenn

Bonniċi jgħid li l-partit għandu jkompli jħares 'l quddiem biex il-pajjiż ikun xieraq għall-familji u dawk li jgħixu fih



Nhar it-Tlieta kellna l-aħħar laqgħa tal-Kabinett immexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat. Bla dubju dan huwa l-aqwa Kabinett li qatt kellu pajjiżna – wettaqna ħafna flimkien u magħqudin. Iddiskutejna, analizzajna l-opinjonijiet tagħna lkoll u fl-aħħar mill-aħħar wettaqna dak li huwa ta’ ġid għal pajjiżna.


Flimkien u magħqudin se nkomplu nwettqu, minn għada t-Tnejn ’il quddiem, biex inkomplu nagħmlu lil pajjiżna ġawhra fil-Mediterran.

Grazzi Joseph ta' ħidmietek. Se tibqa' mniżżel fl-istorja bħala Prim Ministru li tejjeb il-ħajja ta' ħafna u ħafna familji għall-aħjar!


Il-Kappella ta’ San Ġakbu fin-Naxxar, il-Kappella ta’ Santa Marija fl-Imqabba, il-Kappella ta’ Sant’ Anna f’Ħ’Attard, il-Kappella tas-Salvatur fiż-Żejtun, It-Torri tal-Wardija fiż-Żurrieq, in-niċċa ta’ San Mikiel fil-Qrendi, l-istatwa ta’ Dawret Ħal Għaxaq, f’Ħal Għaxaq, il-Kappella ta’ Santa Marija f’Ħal Safi u l-Arkata ta’ San Ġakbu f’Ħal Kirkop se jibbenefikaw mill-iskema ta’ Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali, skema li tinħareġ minn dan il-Ministeru permezz tad-Direttorat tar-Restawr b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Gvern Lokali.


Din hija parti żgħira biss mill-impenn lejn il-wirt kulturali tagħna. U settur wieħed biss mill-ħidma vasta li għaddejjin biha fil-qasam tal-kultura. Għaddejjin bi proġett ta’ restawr li matul dawn is-snin ra għadd sostanzjali ta’ binjiet u siti storiċi jieħdu l-ħajja mill-ġdid, kif se jkompli jsir matul is-snin li ġejjin.


Waħda mill-iskemi li daħħalna propju biex naraw dan il-frott hija l-iskema ‘Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali’. Skema li issa qiegħda fil-ħames sena konsekuttiva tagħha. Ix-xogħol ta’ restawr fuq dawn id-9 postijiet storiċi msemmija se jsir fuq perjodu ta’ 18-il xahar.

Din l-iskema tnehdiet fl-2015, bl-għan li tassisti lill-kunsilli lokali fir-restawr ta’ binjiet u monumenti ta’ valur artistiku u/jew storiku li jinsabu fil-lokalità. Fuq bażi annwali l-kunsilli lokali jingħataw il-possibilità li jressqu proposti ta’ proġetti għall-kunsiderazzjoni tal-Kumitat tal-Għażla maħtur mill-Gvern, biex jevalwaw l-applikazzjonijiet.

Bl-implimentazzjoni tagħha din l-iskema qiegħda tipprovdi assistenza sinifikanti matul is-snin lil-lokalitajiet differenti. Is-siti u monumenti storiċi jagħmlu parti essenzjali mit-tfassil tal-identità ta’ pajjiżna u permezz ta’ inizjattivi bħal dawn nistgħu nippreservaw dawn il-postijiet storiċi għall-ġenerazzjonijiet futuri.


Taħt din l-iskema s’issa saru 19-il proġett ta’ restawr f’19-il lokalità differenti, bil-valur tal-proġetti individwali li jsiru permezz ta’ din l-iskema jvarja minn €25,000 għal €60,000, u jiddependi mis-skala tal-monument/binja u min-natura tar-restawr involut.


Dan l-impenn tagħna biex inħarsu, nippriservaw u nirrestawraw il-wirt kulturali tagħna se jibqa’ għaddej biex inħallu dak li writna aħna bħala legat għall-ġenerazzjonijiet futuri tagħna.

***

Impenn ieħor f’dan is-settur huwa dak li jkollna kalendarju rikk ta’ attivitajiet kulturali biex inżommu ħajja l-espressjoni artistika, imma wkoll biex noffru attivitajiet varjati lill-udjenzi tagħna. Il-Ġimgħa tajna ħarsa lejn dak li għandna ppreparat f’dan is-settur għal din is-sena li għadna kif bdejna, min-naħa tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, entità oħra fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.


Il-programm jinkludi ’l fuq minn 40 avveniment u proġett ta’ ġeneri differenti fosthom il-mużika, l-arti kontemporanja, iż-żfin, iċ-ċinema u t-teatru, id-disinn, l-opra, programm ta’ artisti f’residenza, attivitajiet għar-residenti u l-membri tal-komunitajiet Beltin u festivals.

Grazzi għall-Valletta 2018, irnexxielna nibdlu l-belt kapitali tagħna f’hub kulturali mill-aqwa, u permezz tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se nkomplu naħdmu fuq il-legat li ġabet magħha l-Kapitali tal-Kultura, filwaqt li nkomplu nsaħħu s-settur kulturali. Permezz tal-Aġenzija nistgħu nkomplu nipprovdu pjattaforma soda għall-artisti lokali speċjalment minħabba li b’inizjattivi ta’ din is-sura nistgħu nkomplu nwessgħu l-opportunitajiet artistiċi tagħhom kemm fuq livell lokali, kif ukoll internazzjonali.


Il-programm annwali huwa żviluppat flimkien ma’ artisti u entitajiet kulturali u jinkludi kollaborazzjonijiet li deċiżament se jkomplu jsaħħu l-potenzjal ta’ pajjiżna fejn għandha x’taqsam l-isfera kulturali u jservi wkoll irwol kruċjali għat-tisħiħ tal-prodott kulturali tagħna. 

Numru ta’ proġetti qed jittellgħu f’kollaborazzjoni ma’ diversi Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi u entitajiet kulturali oħrajn, bħala parti mill-għan ewlieni tal-Aġenzija li ttejjeb l-aċċess u l-parteċipazzjoni permezz tal-kollaborazzjoni u l-kreattività. Hemm iktar minn 300 ruħ involuti fil-produzzjoni ta’ dawn il-proġetti, flimkien ma’ 15-il organizzazzjoni, li jinkludu r-residenti u l-membri ta’ diversi komunitajiet Beltin. Matul is-sena se jipparteċipaw ’il fuq minn 240 artist lokali u 49 artist internazzjonali minn dixxiplini artistiċi differenti.


U dan huwa impenn ieħor tagħna. L-impenn li npoġġu l-artist Malti fil-qalba tal-kultura u b’hekk inkunu qed inkomplu nesponuh għal esperjenzi li permezz tagħhom ikompli jibni l-artistrija tiegħu. Għamilnieh fil-Valletta 2018 u qed inkomplu nibnu fuq dak li ksibna.

Lill-artist irridu narawh igawdi minn dawn l-esperjenzi flimkien ma’ opportunitajiet oħra li għandna, li permezz tagħhom anki nesportaw l-artistrija u l-kapaċità tiegħu.

Il-Programm Kulturali tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta jinkludi wkoll proġetti u inizjattivi mill-Valletta Design Cluster, li mistenni jiftaħ il-bibien tiegħu dan is-sajf, u The Strada Stretta Concept, proġett għar-riġenerazzjoni kulturali ta’ Strada Stretta bħala parti mil-legat ta’ Valletta 2018.


Illum il-Belt Valletta għandha Programm Kulturali tagħha grazzi għall-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta mwaqqfa apposta bħala parti mil-legat ta’ Valletta 2018.


B’dan il-programm, qed naraw il-Belt Kapitali tagħna tieħu l-ħajja. Mhux ’il bogħod wisq kellna Belt Kapitali mejta li jaħkimha d-dlam wara li jintfew id-dwal tal-uffiċini u l-ħwienet li hemm fiha. Illum l-istorja hija ferm differenti. Għandna Belt li r-rikkezza kulturali tal-ġebla tagħha qed inżewġuha mar-rikezza li joffri l-artist Malti.


Fuq kollox, qed naraw li l-komunità tal-Belt Valletta flimkien ma’ dawk li jżuruha, u l-udjenza ta’ dan il-qasam, jersqu qrib xulxin b’parteċipazzjoni ċivika, u fl-istess ħin nagħtu xogħol lil mijiet ta’ ħaddiema, niġbdu eluf ta’ turisti, u niġġeneraw il-miljuni f’attività ekonomika kull sena.

Il-proġetti fi ħdan il-programm jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni u l-kokreazzjoni f’dixxiplini artistiċi differenti tar-residenti, il-ħaddiema, il-viżitaturi u l-partijiet interessati kollha tal-Belt Valletta kif ukoll tal-pubbliku ġenerali, u joħolqu pjattaforma kreattivi għall-artisti, kemm dawk stabbiliti u anke dawk ġodda. Għalhekk, il-Programm se jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura kulturali lokali, u jibni fuq il-legat ta’ Valletta 2018, il-Kapitali Ewropea tal-Kultura, li xprunat ir-riġenerazzjoni soċjali, kulturali u infrastrutturali ġewwa l-Belt Valletta fl-2018 u s-snin ta’ qabilha.


L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta waqqafnieha f’April tal-2019 biex issostni u ssaħħaħ il-ħajja kulturali vibranti tal-Kapitali permezz tal-ħolqien ta’ programm annwali ta’ avvenimenti kreattivi żviluppati f’kollaborazzjoni ma’ artisti u Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi. Bħala parti mil-legat tal-Fondazzjoni Valletta 2018, l-Aġenzija tara li jinżammu standards għoljin f’dak li għandu x’jaqsam mal-organizzazzjoni ta’ avvenimenti kulturali ġewwa l-Belt, filwaqt li ttejjeb l-aċċess u tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni ta’ udjenza diversa.


Din il-ġimgħa żort aktar proġetti ta’ restawr li qed isir. Żort il-Knisja taż-Żejtun u l-Knisja tal-Madonna tal-Ħniena tal-Qrendi. Fil-qies tagħhom, żewġ binjiet arkitettoniċi mill-aqwa, li b’investiment monetarju, imma aktar importanti, investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema bieżla tagħna u l-professjonalità li għandhom, qed nagħtuhom ħajja mill-ġdid biex jibqgħu jitgawdew għal mijiet ta’ snin oħra.


Dan huwa legat li qed ninvestu fih. Il-legat tal-ġenerazzjonijiet futuri tagħna. Kif wegħedna, u kif qed inwettqu.


U l-ħidma tkompli bla waqfien. Inkomplu naħdmu biex dak kollu li huwa fir-responsabbiltà tagħna li nirranġaw u nsaħħu, nirranġawh u nsaħħuh. Se nħarsu ’l quddiem biex inkomplu nagħmlu minn dan il-pajjiż, pajjiż li jkun xieraq għall-familji u jgħixu fih. Diġà sar ħafna f’dawn is-sitt snin ta’ ħidma kontinwa. U dan il-ħafna se jkompli għaddej anki fis-snin li ġejjin.

Owen Bonniċi huwa l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali

3 views
  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo