top of page

Ninvestu fil-Patrimonju Nazzjonali: Fondi għar-restawr tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Għaxaq



Il-Ministru  għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u  l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri ħabbru li l-koppla u s-saqaf tal-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Assunta f’Ħal Għaxaq se jiġu rrestawrati permezz ta’ għajnuna finanzjarja li se tingħata lil din il-parroċċa.

 

Ix-xogħol ta’ restawr se jkun possibbli permezz ta’ għajnuna finanzjarja li tammonta għal €120,000 mogħtija mill-aġenzija Komunità Malta biex jintużaw f’firxa ta’ xogħlijiet essenzjali għall-konservazzjoni tal-koppla, li jinkludu restawr tal-aperturi tal-injam, il-waterproofing tal-koppla nnifisha u l-fanal, kif ukoll il-konservazzjoni tal-ġebel innifsu. Il-bażi tal-kisi eżistenti tas-saqaf se jkun wkoll għaddej minn xogħol ta’ tiswija.

 

“Il-Knisja Parrokkjali ddeddikata lil Santa Marija hija meqjusa bħala ikona kulturali u storika fil-komunità u hija rinomata għall-artistrija mill-isbaħ tagħha, inkluż it-tnaqqix tal-ġebel elaborat, affreski u l-istatwa titulari ċelebri ta’ Marija Assunta, li fiha nnifisha hija kapulavur artistiku,” qal il-Ministru Owen Bonnici.

 

“Permezz ta’ dan l-investiment ġdid, se jippermetti li l-knisja tiġi rrestawrata għax dan hu investiment li jirrifletti l-impenn tagħna biex nippreservaw u nippromwovu l-wirt nazzjonali tagħna. Permezz t’inizjattivi bħal dawn, aħna se nkomplu nwettqu l-wegħda elettorali tagħna li mmexxu ’l quddiem u niċċelebraw l-wirt uniku u l-pajsaġġ kulturali ta’ Malta,” temm jgħid il-ministru.

 

Min-naħa tiegħu l-Ministru Byron Camilleri qal li l-gvern jibqa’ impenjat juża l-għodod li għandu biex jinvesti fil-komunitajiet u fil-patrimonju kulturali, għaliex tabilħaqq huwa qrib in-nies.  “L-Agenzija Komunità Malta qiegħda taħdem id f’id mal-komunità, għaliex b’dan ix-xogħol mhux biss ser ikun protett patrimonju kulturali iżda tintuża b’mod reliġjuż kuljum mill-komunità,” temm jgħid il-ministru.

 

Il-finanzjament għar-restawr tal-knisja ta’ Ħal Għaxaq sar possibbli bis-saħħa ta’ kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u Komunità Malta.

 

Preżenti kien hemm ukoll Michael Pace Ross, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq.

 



 

 



 


 

Kommentare


bottom of page