• Team Owen Bonnici

nawgurata wirja ġdida fil-Palazz tal-Inkwiżitur dwar il -porċellana



Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici inawgura l-wirja dwar Il-Porċellana tal-Inkwiżitur f’Malta tas-Seklu 18 li qiegħda tittella’ fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu.

“Din il-wirja hija mod ieħor kif nitfgħu dawl fuq l-aspetti storiċi ta’ pajjiżna li forsi mhumiex daqshekk magħrufa, hekk kif nesploraw il-ħajja tal-Inkwiżitur permezz tal-porċellana, li kien meqjus bħala materjal tal-elit fis-seklu 18. Parti mill-istrateġija kulturali tagħna hija li niżguraw li l-komunità tagħna jkollha aċċess għall-istorja u l-wirt tagħna, li ffurmawna bħala pajjiż u kif ukoll l-identità tagħna – u permezz ta’ inzjattivi ta’ din is-sura qegħdin niżguraw li dan ikun verament possibbli,” stqarr il-Ministru Owen Bonnici waqt it-tnedija.


Il-wirja hija mod innovattiv ta’ kif qegħdin jiġu ppreżentati materjali arkeoloġiċi misjuba fi skavi li seħħu fl-1998 ta’ fossa u kif ukoll minn sejbiet oħra fil-parti tal-ħabs li saru aktar tard. Din il-wirja ġġib flimkien id-dixxipplini tal-arkeoloġija, storja tal-arti u l-antropoloġija storika, u titfa’ dawl b’mod speċifiku fuq grupp ta’ porċellana bikrija – grupp ta’ artefatti privileġġati li jagħtuna l-possibbiltà li nesploraw il-karattersitiċi kulturali u raffinati tal-istabbilment tal-Inkwiżitur f’Malta tas-seklu 18.


Ir-riċerka u l-analiżi ta’ dawn is-sejbiet għamluha possibbli biex dawn l-artefatti jiġu esibiti għall-ewwel darba b’tipoloġija ġdida ta’ informazzjoni storika għall-Palazz tal-Inkwiżitur – il-kultura arkeoloġika materjali tagħha. 


Fi żmien is-seklu 18, il-porċellana kienet sinonima ma’ drawwiet tal-ikel tal-eliti  u kienet tinżamm f’residenzi ta’ nies b’saħħithom, li jinkludu l-Palazz tal-Inkwiżitur.


Il-wirja tiffoka fuq grupp żgħir iżda importanti tal-porċellana u frammetti ta’ artefatti magħmula mill-ġebel misjuba fil-Palazz tal-Inkwiżitur – l-unika kumpless Inkwiżitorjali Barokk li għadu miftuħ għall-pubbliku fl-Ewropa. Il-porċellana esibita turi kif l-inkwiżituri kienu jippruvaw jikkonsolidaw l-istatus ogħli tagħhom b’modijiet differenti, filwaqt li ċ-ċeramiki aktar komuni tefgħu dawl fuq l-attivitajiet kwotidjani fi ħdan il-kċejjen, ġonna u ħabsijiet tal-Palazz.

Il-Porċellana tal-Inkwiżitur f’Malta tas-Seklu 18 hija parti minn studju li għaddej bħalissa li se jirriżulta f’fehim aħjar tal-istabbilment inkwiżitorjali f’Malta. Il-wirja qiegħda tittella’ fil-Palazz tal-Inkwiżitur u hija miftuħa għall-pubbliku sal-31 ta’ Diċembru 2019. Id-dħul huwa inkluż mal-biljett regolari tal-mużew.



6 views
  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo