• Team Owen Bonnici

Mudell ta’ kif tiġi żviluppata r-riċerka għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda



Kumpanija Maltija mudell ta’ kif tiġi żviluppata r-riċerka għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ teknoloġiji u soluzzjonijiet ġodda anke fuq bażi internazzjonali

Il-kumpanija HandsOn Systems hija kumpanija lokali li fl-aħħar għaxar snin mit-twaqqif tagħha applikat ir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex toħloq teknoloġiji u soluzzjonijiet ġodda li mbagħad tikkummerċjalizzahom ma’ diversi klijenti lokali u internazzjonali. Dawn l-innovazzjonijiet jintużaw fi prodotti u sistemi li jtejbu l-operat tal-ażjendi u jsaħħu l-kwalità tal-ħajja f’diversi oqsma importanti bħas-saħħa, is-sigurtà u l-ambjent.

Waqt iż-żjara tiegħu f’din il-kumpanija fiċ-ċentru tagħha fil-Mosta Technopark, il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija għal Wara Covid-19 Owen Bonnici faħħar il-ħidma li tagħmel din il-kumpanija, fejn bir-riċerka tagħha toħloq soluzzjonijiet f’setturi bħall-‘Unmanned Aerial Vehicles’, vetturi elettriċi u applikazzjonijiet li jużaw l-aħħar teknoloġiji, bħalma huma l-RFID, fl-oqsma tat-tracking u fil-qasam tal-internet tal-oġġetti. Huwa qal li din il-kumpanija wettqet anke riċerka b’fondi tal-Kunsill Malti tax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) bħala parti minn proġett ikbar sabiex toħloq innovazzjonijiet f’aspett mill-ħidma loġistika marbuta mas-settur tal-avjazzjoni.

Sostna li l-portafoll ta’ klijenti internazzjonali ta’ din il-kumpanija huwa wieħed b’saħħtu ħafna u jawgura tajjeb għal iktar ħidma f’dan is-settur għall-futur.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kumpanija Geoffrey Farrugia sostna li din il-kumpanija llum timpjega 35 persuna fl-oqsma tar-riċerka u fetħet suq u għandha uffiċċji reġjonali f’diversi inħawi madwar id-dinja, fosthom l-Italja, l-Afrika, il-Lvant Nofsani, l-Awstralja u l-Amerika t’Isfel.

Matul iż-żjara, il-Ministru Bonnici ntwera l-aħħar soluzzjonijiet li ġew riċerkati minn din il-kumpanija, bħalma huma sistemi ta’ tracking fil-qasam ta’ trasport, fl-isptarijiet u anke fl-ażjendi.



0 views0 comments
  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436