top of page

Malta tappoġġa l-isforzi tal-Unjoni Ewropea għall-ħarsien tal-patrimonju storiku Ukren fil-kuntest tal-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna



 

“Malta se tkompli tappoġġa l-isforzi li l-Unjoni Ewropea qed tagħmel sabiex l-Ukrajna tipparteċipa fi programmi ta’ kultura u patrimonju kulturali tal-Unjoni Ewropea għall-ħarsien tal-wirt storiku Ukren. B’dan il-mod, mhux biss inkunu qegħdin inqarrbu aktar lill-Ukrajna lejn l-Unjoni Ewropea iżda nkunu qegħdin nuru, b’mod ċar, li Malta temmen li l-kultura Ukrena hi parti mill-kultura Ewopea u għandha titħares u tiġi protetta fil-kuntest tal-aggressjoni Russa li qed issofri”.

 

Dan qalu l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici waqt l-intervent tiegħu matul Laqgħa Informali tal-Ministri tal-Kultura li qed issir fil-Polonja u li għaliha attendew ukoll ministri tal-kultura ta’ pajjiżi oħra, inkluż dak Ukren Mykola Tochytskyi.

 

Il-Ministru Owen Bonnici spjega li fost l-inizjattivi ta’ għajnuna lejn l-Ukrajna, hemm ħidma favur il-protezzjoni tal-wirt kulturali intangibbli u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu fost l-inizjattivi konġunti fuq livell Ewropew. Huwa saħaq fuq l-importanza ta’ skambji ta’ għarfien bejn esperti mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-istati membri u l-kontropartijiet tagħhom Ukreni.

 

Il-Ministru Bonnici qal ukoll li hu kruċjali li ssir analiżi komparattiva tal-leġiżlazzjoni dwar il-wirt kulturali bejn l-Istati Membri u l-Ukrajna biex jissaħħaħ il-qafas legali tal-Ukrajna biex jippermettu lill-istituzzjonijiet Ukreni jallinjaw ir-regolamenti tagħhom mal-aħjar prattiċi ta’ pajjiżi oħra tal-UE.

 

Matul il-Laqgħa, ġew diskussi wkoll il-prijoritajiet Ewropej fil-kamp kulturali u l-qasam tal-kreattivi fis-suq tax-xogħol.

 

Il-Ministru Bonnici qal li waqt li l-kultura ma tistax titqies bħala s-soluzzjoni universali għal kull sfida soċjali, fil-verità hija tagħmel ġid għal ħafna minn dawn l-isfidi. “Irridu nużaw il-qawwa kbira li għandha l-kultura biex twassal għal soċjetajiet koerenti u inklussivi anke għaliex il-kultura ssaħħaħ id-demokrazija”, qal Dr Bonnici u kompla jispjega li l-kultura tgħin lill-kommunitajiet Ewropej isiru aktar reżiljenti waqt kriżijiet li jinqalgħu, b’referenza għat-tensjonijiet ġeopolitiċi li għaddejjin bħalissa fl-Ewropa u lil hinn minnha.

 

Il-Ministru Bonnici tenna li Malta dejjem segwiet politika diversa li tippermetti lill-prattikanti u l-operaturi kulturali jirċievu appoġġ mingħajr piżijiet amministrattivi żejda. Qal li l-Gvern Malti dejjem fittex li jipprovdi lill-prattikanti kreattivi b’opportunitajiet ġodda biex ikomplu jiżviluppaw fis-settur artistiku li jagħżlu, tant li l-ammont ta’ kreattivi iktar milli rdoppja f’ġenerazzjoni waħda f’pajjiżna.

 

Fir-rigward tal-programm Annual Financial Framework li ġej, il-Ministru Bonnici spjega kif dan il-programm għandu jkun effettiv u jservi bħala għodda utli għall-utilizzar ta’ fondi fuq livell nazzjonali u supranazzjonali.

 

Il-Ministru Bonnici saħaq li l-attivitajiet nazzjonali fis-setturi kulturali għandhom jiġu msaħħa permezz ta’ koperazzjoni lil hinn mill-fruntieri, faċilitata mill-Unjoni Ewropea li għandha tappoġġa l-pajjiżi individwali biex jaħdmu id f’id f’dinja li dejjem qed tinbidel.

 



 


 

Comments


bottom of page