• Team Owen Bonnici

Malta: Ngħixu s-Suċċess anki b’miżuri fil-kultura u fil-gvern lokali


Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis komplew mas-sensiela ta’ konferenzi tal-aħbarijiet li matulhom il-Gvern qiegħed jinforma t-twettiq tal-miżuri tal-Baġit 2019. Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tal-lum il-Ministru Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Parnis taw dettalji dwar żewġ miżuri mill-ħafna li saru f’dan il-ministeru: il-Passaport ta’ Heritage Malta kemm għall-istudenti u wkoll għall-kbar u miżuri li joħorġu mir-Riforma tal-Gvern Lokali.


Magħduda mal-miżuri l-oħra li twettqu minn dan il-ministeru, dawn it-tnejn ikomplu juru kif il-poplu qed jgħix is-suċċess, biex il-ħajja tiegħu tkun aħjar anki permezz tal-kultura u l-gvern lokali.


Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Owen Bonnici aċċenna għax-xogħol ta’ dan il-Gvern biex jibqa’ jżid l-aċċessibbiltà u l-inklużjoni fis-settur permezz ta’ inizjattivi varji. “Il-wirt tagħna jifforma parti intrinsika tal-identità tagħna, u grazzi għall-implimentazzjoni ta’ numru ta’ miżuri, nistgħu nibqgħu naħdmu biex nagħmlu dan is-settur aktar disponibbli għas-soċjetà.” Il-Ministru rrefera għall-iskema tal-passaporti ta’ Heritage Malta li hija disponibbli kemm għaċ-ċittadini kbar, kif ukoll għall-istudenti, u ħabbar li grazzi għal din l-iskema li biha ċittadini kbar flimkien ma’ żgħażagħ u studenti akkumpanjati minn ġenituri jew gwardjani, diġà saru 107,000 żjara bla ħlas fil-mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta mit-tnedija ta’ dawn l-iskemi, li kienet inqas minn sena ilu.


“Is-suċċessi li ġabet magħha l-iskema tal-passaporti ta’ Heritage Malta hija eżempju ċar li n-nies qegħdin isiru aktar konxji u qed japprezzaw aktar il-wirt tagħhom, filwaqt li nkomplu ninkoraġixxu ż-żgħar tagħna biex iżuru u jitgħallmu dwar l-istorja u l-kultura tagħna. L-istrateġija tagħna tiffoka fuq it-trawwim tal-aħjar ekoloġija għall-arti u l-kultura biex jimirħu u jsiru aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini tagħna u t-turisti. L-għan ta’ inizjattivi ta’ din is-sura mhumiex biss li jinkoraġixxu lill-komunità lokali biex iżuru s-siti imma wkoll mod kif insaħħu l-għarfien u l-apprezzament tal-identità tagħna. Huwa billi nkunu nafu l-passat tagħna li nistgħu napprezzaw il-preżent, u nibnu lejn futur aħjar,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis qal li dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ fil-kunsilli lokali u reġjonali u qal li “F’għeluq il-25 sena mit-twaqqif tal-kunsilli lokali f’pajjiżna, imbarkajna fuq riforma ambizzjuża biex insaħħu l-awtonomija u d-deċentralizzazzjoni tal-Gvern Lokali.” Waħda mill-għanijiet tar-riforma kienet li taħdem fuq kollox fil-qasam soċjali biex b’hekk ebda persuna ma tiċċaħħad mill-opportunitajiet jew mis-servizzi offruti, li l-kwalità tal-ħajja titjieb, inkluż tal-anzjani u tal-persuni bi bżonnijiet speċjali, u jitjiebu u jiżdiedu       l-attivitajiet u l-inizjattivi li jippromwovu l-kultura, l-isport u l-edukazzjoni, biex b’hekk ħadd ma jkun eskluż.


Bis-saħħa ta’ waħda mill-miżuri tal-baġit, twettqet aktar kmieni din is-sena, inħoloq fond għall-kunsilli lokali li bbenefikaw minn proġett infrastrutturali maġġuri mwettqa mill-Gvern ċentrali fil-lokalità tagħhom. Miżura oħra biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti, hija l-għoti ta’ fondi lill-kunsilli lokali u reġjonali biex joħolqu iżjed inizjattivi li jippromwovu l-benesseri u l-ħajja sana. Is-Segretarju Parlamentari Parnis qal li għalhekk saru 6 skemi ewlenin u saru wkoll diversi inizjattivi u skemi oħrajn favur l-ambjent u l-komunitajiet. Fost dawn hemm l-għoti ta’ fondi għal sistemi ta’ irrigazzjoni fil-lokalitajiet, skema favur l-annimali, l-għoti ta’ numru ta’ siġar biex jitħawlu f’diversi postijiet, aktar għajnuna finanzjarja lill-kunsilli lokali bis-saħħa tal-fond għal proġetti kapitali, l-inizjattiva tal-world clean up day, l-installazzjoni ta’ diversi seabins f’portijiet differenti, aktar infurzar ambjentali, il-kunsilli lokali issa huma obbligati li jingaġġaw contract manager, servizz ta’ Wi-Fi b’xejn f’diversi lokalitajiet, skema għal attivitajiet kulturali, persuni b’diżabilità ngħataw impjieg full-time mal-kunsilli lokali, u tnediet ukoll skema biex inkomplu ngħinu ż-żoni urbani.


Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis għalaq billi qal li b’din ir-riforma u b’dawn il-miżuri l-Gvern qed ikompli jagħmel id-differenza għall-aħjar fil-ħajja tar-residenti.




  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo