Imnedija għall-ewwel darba linji dwar ir-Rikonoxximent tas-Sess, is-Sesswalità u l-Ġeneru għas-servizz pubbliku.
Tnedew għall-ewwel darba Linji Gwida tal-Gvern Malti dwar ir-Rikonoxximent tas-Sess, is-Sesswalità u l-Ġeneru mill-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Dr Owen Bonnici.
Il-linji gwida gew żviluppati mit-Taqsima tal-Orjentazzjoni Sesswali, Identità tal-Ġeneru, Espressjoni tal-Ġeneru u Karatteristiċi tas-Sess (SOGIGESC) fi ħdan id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Id-dokument jipprovdi gwida lill-Amministrazzjoni Pubblika dwar il-ġbir, l-użu u l-emendar tal-informazzjoni dwar l-isem u/jew is-sess jew it-terminoloġija tal-ġeneru f’rekords personali individwali jew meta tikkomunika ma’ utenti tas-servizzi. Dan kollu huwa parti mill-bini ta’ servizz pubbliku li dejjem jinbidel u jadatta ruħu għar-realtajiet moderni filwaqt li jipprovdi servizz ta’ kwalità għolja.
Taħriġ dwar il-linji gwida se jingħata b’kollaborazzjoni mal-Istitut għas-Servizz Pubbliku mis-sena d-dieħla.
Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici qal li l-miżuri konkreti implimentati mill-Gvern mill-2013 ‘l hawn, poġġew lil pajjiżna fl-ewwel post fir-rigward tad-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ.
“Imma għad fadal ħafna xogħol xi jsir,” kompla l-Ministru Bonnici, “u dawn il-linji gwida huma pass ieħor importanti biex tiġi żgurata d-dinjità u r-rispett fil-livelli kollha għal kulħadd, irrispettivament mis-sesswalità jew il-ġeneru ta’ dak li jkun. Permezz ta’ dawn il-linji gwida, aħna nimmiraw li nibnu servizz ta’ eċċellenza f’dinja moderna li dejjem timxi id f’id mar-rekwiżiti u l-bidliet fis-soċjetà, sabiex niżguraw kwalità konsistenti u għolja fid-dipartimenti u entitajiet tal-gvern.”
Σχόλια